KAPITLU I - Il-Ħtieġa tad-Devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka
Prinċipji
Is-Sehem ta’ Marija fl-Inkarnazzjoni
14. Jien naqbel mal-Knisja kollha illi, meta nipparagunawha mal-Maesta’ infinita’ tal-Kbir Alla, Marija mhijiex ħlief ħlejqa magħmula minn idejh, u nkomplu b’dan il-paragun, hi inqas minn atomu – u iżjed hi mhi xejn, la darba Alla, li Hu, għandu l-eżistenza minnu nnifsu. Mela, dan il-Mulej Kbir minn dejjem, indipendenti u ma jonqsu xejn fih Innifsu, ma kellu ebda bżonn – u lanqas issa m’għandu bżonn – tal-Verġni Mqaddsa Marija biex iwettaq il-pjani Tiegħu u biex juri l-glorja Tiegħu. Hu jixtieq biss u kollox isir.
15. Imma filwaqt li nifhmu dan kollu, jiena nsostni li Alla malli ħalaqha għoġbu jibda jipperfezzjona l-pjani rendentiċi tiegħu permezz tal-Verġni Mqaddsa. Hu ma jbiddilx il-proċedura tiegħu minn seklu għall-ieħor. Għaliex huwa Alla, Hu ma jbiddilx il-mod kif jaħseb u jaġixxi.
16. Kien permezz ta’ Marija waħedha li Alla l-Missier, ta lid-dinja l-Iben Tiegħu, il-Waħdieni. Mal-medda ta’ erbat elef sena l-Patrijarki kienu tassew jixtiequ r-Rigal t’Alla, il-Profeti u l-Qaddisin tal-Liġi l-Qadima kienu jitolbu bl-akbar ħerqa għal dan il-għan. Imma kienet biss Marija li sabet grazzja quddiem Alla bil-qawwa tat-talb tagħha, u l-fwieħa tal-virtu’ tagħha. “Id-dinja ma kinitx denja”, jgħid Santu Wistin, “li tirċievi l-Iben ta’ Alla direttament minn idejn il-Missier. Hu ta l-Iben tiegħu lil Marija biex id-dinja tirċevih minn għandha.”
L-Iben t’Alla sar bniedem, biex isalvana, imma f’Marija u permezz ta’ Marija. Alla l-Ispirtu s-Santu sawwar li Ġesu’ Kristu f’Marija, wara li kien ħa l-kunsens tagħha, permezz ta’ wieħed mill-ogħla Anġli tal-Qorti tas-Sema.
17. Il-Missier Alla kkomunika l-fekondita’ tiegħu lil Marija fil-ogħla grad li ħlejqa tista’ tirċievi, sabiex Hi tkun tista’ tnissel ‘l Ibnu, u l-membri kollha tal-Ġisem Mistiku.
18. Alla l-Iben niżel fil-ġuf Verġni tagħha, bħal Adam il-Ġdid fil-ġenna tal-art, biex nieħu pjaċir fiha u jagħmel bil-moħbi l-għeġubijiet tal-grazzja tiegħu. Alla magħmul bniedem sab il-ħelsien tiegħu billi ngħalaq fil-ġuf tagħha; wera s-setgħa tiegħu billi ssottometta ruħu li ġġibu din it-tfajla mqaddsa; fittex il-glorja tiegħu u ta’ Missieru billi ħeba l-kobor tiegħu mill-ħlejjaq kollha, biex jurihom biss lil Marija; hu sebbaħ l-indipendenza u l-maesta’ tiegħu billi sar dipendenti minn din il-Verġni umli fil-konċepiment tiegħu, fi twelidu, fil-preżentazzjoni fit-tempju u fil-ħajja moħbija tiegħu ta’ tletin sena, u anke sa mewtu, fejn ried li hi tkun preżenti. L-Iben Divin tagħha, ried li tieħu sehem miegħu fis-Sagrifiċċju u li bir-rieda tagħha Hu jiġi offrut lil Missier Etern bħalma kien offrut qabel Iżakk bil-kunsens ta’ Abraham, bir-rieda ta’ Alla. Kienet Marija li reddgħitu, rabbietu, ħarsitu, kabbritu u issagrifikatu għalina. X’dipendenza tal-għaġeb t’Alla! Għalkemm l-Ispirtu s-Santu hu sieket fuq kważi l-ħwejjeġ kollha tal-għaġeb li l-Għerf Inkarnat għamel fil-Ħajja tiegħu moħbija, hu ma setax jaħbi, fir-rakkont tal-Vanġelju dan il-fatt hekk kbir, imma għoġbu jiġbdilna l-attenzjoni fuq dan l-għaġeb. Bis-sottomissjoni ta’ Kristu lejn Ommu għal tletin sena, Hu ta iżjed glorja lil Missieru milli kien jagħtih jekk jikkonverti d-dinja kollha jew jagħmel mirakli l-aktar kbar. Mela, aħna kemm nigglorifikaw ‘l Alla, meta aħna nkunu sottomessi lejn Marija, fuq l-eżempju ta’ Kristu, l-uniku mudell tagħha.
19. Jekk aħna nikkunsidraw bir-reqqa l-bqija tal-ħajja ta’ Ġesu’ aħna naraw li hu għoġbu jibda l-mirakli permezz ta’ Marija. Bil-kliem ta’ Marija, hu qaddes lil San Ġwann il-Battista f’ġuf ommu Santa Eliżabetta; għaliex ġara li malli Eliżabetta semgħet it-tislima ta’ Marija, Ġwanni tqaddes. Dan kien l-ewwel u l-ikbar miraklu tal-grazzja ta’ Kristu. Għat-talba umli ta’ Marija, hu biddel l-ilma f’inbid fil-festa tat-tieġ ta’ Kana: dan kien l-ewwel miraklu tiegħu tan-natura. Kristu beda u ssokta l-mirakli tiegħu permezz ta’ Marija; u permezz tagħha Hu għad ikomplihom sat-tmiem taż-żminijiet.
20. Alla l-Ispirtu s-Santu, billi huwa sterili f’Alla, fis-sens li ma jipproduċix Persuna Divina oħra imma hu kellu l-frott permezz ta’ Marija, li hu tgħarras, Hu magħha, fiha minnha li hu pproduċa l-kapulavur tiegħu – Alla magħmul Bniedem. U bl-istess mod hu jkompli jipproduċi u hekk għad ikompli jagħmel sal-aħħar taż-żminijiet il-membri tal-Ġisem Mistiku, ta’ din ir-Ras adorabbli. U għalhekk iktar mal-Ispirtu s-Santu jsib lil Marija l-għarusa maħbuba tiegħu u li ma tinħall qatt minn miegħu fir-ruħ, iktar hu jaħdem bis-saħħa biex iġib lil Kristu f’dik ir-ruħ, u dik ir-ruħ fi Kristu.
21. Dan m’għandux jiftiehem li l-Imqaddsa Verġni, tagħti l-fekondita’ lill-Ispirtu s-Santu , li hu m’għandux. Bħal Alla, hu għandu l-istess fekondita’ jew setgħa li jipproduċi, bħal dik tal-Missier u tal-Iben; imma Hu ma jużahiex, la darba ma jnissilx Persuna Divina oħra. Dak li rridu ngħidu hu, li l-Ispirtu s-Santu, Persuna Divina oħra. Dak li rridu ngħidu hu, li l-Ispirtu s-Santu, permezz tal-Verġni Mqaddsa, li hu jrid juża, għalkemm m’għandu ebda ħtieġa assoluta biex jagħmel hekk, iwettaq il-fekondita’ tiegħu billi jnissel fiha u permezz tagħha, lil Ġesu’ Kristu u l-membri tiegħu. Dan hu l-misteru tal-grazzja li anke dawk l-insara l-iktar mgħallmin u spiritwali ma jistgħux jifhmu.
Is-Sehem ta’ Marija fil-Qdusija tal-Erwieħ
22. Il-pjan li wżaw it-Tliet Persuni tat-Trinita’ Qaddisa fl-Inkarnazzjoni u fl-ewwel miġja ta’ Kristu, għadhom ikompluha fil-Knisja Mqaddsa b’mod li ma jidhirx u hekk għad titkompla, sal-aħħar taż-żminijiet, sal-aħħar tal-miġja ta’ Ġesu’ Kristu.
23. Alla l-Missier għamel ġemgħa tal-ilma kollu u sejħilha baħar. Hu għamel ġemgħa tal-grazzji kollha u sejħilha Marija. Dan Alla setgħani għandu teżor jew maħżen ta’ rikkezzi li tgħaġġeb u fih dak kollu li jgħaxxaq bis-sbuħija, bil-ġmiel, bil-kobor u anke jinkludi l-Ibnu stess; u dan it-teżor immens m’hu ħadd ħlief Marija li l-Qaddisin isejħulha t-Teżor tal-Mulej, li mill-milja tiegħu jistagħnew il-bnedmin.
24. Alla l-Iben ikkomunika lil Ommu dak kollu li rebaħ b’ħajtu u b’mewtu, il-merti infiniti tiegħu, u l-virtujiet tal-għaġeb, u għamilha d-dispensatriċi ta’ dak kollu li tah Missieru bħala wirt. Hu permezz tagħha li hu japplika l-merti tiegħu lill-membri, jikkomunikalhom il-virtujiet tiegħu, u jqassmilhom il-grazzji tiegħu. Hija l-kanal misterjuż, l-akwedott li minnu jgħaddu l-grazzji tiegħu bil-ħlewwa u bl-abbundanza għal fuqna.
25. Alla l-Ispirtu s-Santu ikkomunika lill-Għarusa fidila tiegħu r-rigali prezzjużi tiegħu. Hu għażilha biex tkun id-dispensatriċi ta’ dak kollu li għandu. Ħatarha biex tqassam ir-rigali u l-grazzji tiegħu lil min trid, kemm trid, kif trid, u x’ħin trid, u Hu stess ma jagħti l-ebda rigal tas-sema lill-bnedmin jekk mhux permezz tal-idejn verġinali tagħha. Dan hu skont ir-rieda t’Alla li xtaq li aħna nirċievu kollox permezz ta’ Marija. Dik li kellha umilta’ profonda matul ħajjitha kollha u li riedet iċċekken lilha nfisha biex tkun moħbija u mistura, saret għanja, u ġiet mgħollija u mweġġħa mill-Iktar Għoli. Dawn huma s-sentimenti tal-Knisja u tas-Santi Padri.
26. Li kieku kont qed nitkellem mal- “Freethinkers” u l-imħuħ kritiċi ta’ dan iż-żmien, kont nipprova dak kollu li qed ngħid sempliċiment billi nikkowta aktar fit-tul passaġġi bil-Latin li għandhom x’jaqsmu ma’ dan, mill-Iskrittura Mqaddsa, u mis-Santi Padri u billi nżid dawk ir-raġunijiet sodi li wieħed jista’ jsibhom fil-ktieb tal-Patri Poire “Triple Couronne de La Sainte Vierge”. Imma jien qed nitkellem b’mod partikulari, mal-fqar u s-sempliċi, li huma nies ta’ rieda tajba u li l-fidi tagħhom hija ikbar minn dik tal-għorrief, u għalhekk iġġegħilhom jemmnu iktar bis-sempliċita’ u bil-mertu. Għalhekk jien sejjer nistqarrilhom sempliċiment il-verita’, mingħajr ma nintilef nikkwota passaġġi bil-Latin li huma ma jifhmux. Madankollu jien sejjer inġib xi siltiet ‘l hawn u ‘l hinn mingħajr ma noqgħod infittex iżżejjed. Inkomplu.
27. La darba l-grazzja tipperfezzjona n-natura, u l-glorja tipperfezzjona l-grazzja, nistgħu nibqgħu ċerti, li fis-sema s-Sinjur tagħna jibqa’ wkoll Iben ta’ Marija daqs kemm kien meta kien fid-dinja. Hu għalhekk kompla bl-istess sottomissjoni, b’mod l-aktar perfett tal-ulied kollha lejn l-aħjar Omm fost l-ommijiet imma wieħed irid joqgħod attent li ma jaħsibx li din id-dipendenza timplika li hu tbaxxa jew hemm xi imperfezzjoni f’Ġesu’ Kristu. Marija li hi infinament iżgħar minn Binha, li hu Alla, ma tikkmandahx bħalma omm tad-dinja tikkmanda lil binha li hu iċken minnha. Marija la tixtieq u lanqas tagħmel xejn kontra r-rieda sħiħa u eterna t’Alla, il-għaliex b’dik il-grazzja u l-glorja li tbiddel il-qaddisin kollha f’Alla, Marija hi diġa’ mibdula fih. Għalhekk meta naqraw fil-kitba ta’ San Bernard, San Bernardinu u San Bonaventura u oħrajn, li dak kollu li hemm fl-art u fis-sema, inkluż Alla nnifsu, hu suġġett għall-Verġni Mqaddsa, għandna nifhmu ċar xi jfisser. Jiġifieri li Alla għoġbu jagħtiha awtorita’ hekk kbira illi tidher li donnu għandha l-istess setgħa ta’ Alla, u li t-talb u x-xewqat tagħha għandhom saħħa hekk kbira quddiem Alla, li dejjem jitbiddlu f’xi kmandi għalih. Hekk hu ma jistax jiċħad it-talb tal-għażiża ommu, għaliex hi dejjem umli u taqbel mar-rieda tiegħu.
Jekk Mose’, bis-saħħa tat-talba tiegħu, żamm il-korla ta’ Alla, li kienet tixgħel għall-Israeliti, għax it-talba tiegħu kienet hekk ħerqana li Alla, għani fil-ħniena, ma setax jirreżisti, nidem mill-ħsara li qal li se jagħmel lill-poplu tiegħu, kemm għandna x’naħsbu għat-talba tal-umli Marija, l-Omm glorjuża ta’ Alla, talba li hi aktar qawwija fl-għajnejn tal-Maesta’ Divina mit-talb u l-interċessjonijiet tal-Anġli u tal-Qaddisin kollha tas-sema u tal-art?
28. Fis-sema Marija ssaltan fuq l-Anġli u l-Qaddisin. Bħala premju tal-umilta’ profonda tagħha, Alla taha s-setgħa u x-xogħol li timla’ fil-Qaddisin it-tronijiet vojta li ħallew l-Anġli l-ħżiena bil-waqgħa supperva tagħhom. Hi r-rieda ta’ Alla, li jgħolli l-umli, li jrid is-Sema, l-Art u l-Infern ibaxxu rashom bil-ħlewwa, jew bilfors, għall-kmand tal-umli Marija, li Hu għamel Sultana tas-Sema u l-art, il-Mexxejja tal-armati tiegħu, it-teżoriera tar-rikkezzi tiegħu, id-dispensatriċi tal-grazzji tiegħu, dik li wettqet l-għeġubijiet tiegħu, dik li tpatti għall-umanita’, il-medjatriċi tal-bnedmin, dik li teqred l-għedewwa t’Alla, u s-sieħba fidila tal-isplendur u t-trijonfi tiegħu.
29. Hi x-xewqa tal-Missier tas-Sema, illi permezz ta’ Marija, hu jkollu wlied sal-aħħar tad-dinja: “Tella’ l-għarix tiegħek f’Ġakobb.” (Sir 24,8). Fi kliem ieħor, hu jgħidilha: “Qiegħed l-għamara tiegħek f’uliedi l-magħżulin li x-xbieha tagħhom hu Ġakobb, u mhux fl-ulied ħżiena tax-xitan iffigurati minn Eżaw.”
30. Bħalma fil-ġenerazzjoni naturali u korporali hemm missier u hemm omm, hekk ukoll fil-ġenerazzjoni sopranaturali u spiritwali hemm il-missier li hu Alla u hemm l-omm li hi Marija. L-ulied veri u predestinati t’Alla għandhom ‘l Alla bħala missierhom, u ‘l Marija bħala ommhom; dak li m’għandux lil Marija bħala ommu lanqas ma għandu ‘l Alla bħala missieru. Għalhekk il-ħżiena, l-eretiċi, ix-xiżmatiċi, u oħrajn bħalhom, li jobgħodu lill-Imqaddsa Marija, jew inkella jħarsu lejha b’suspett u indifferenza, m’għandhomx ‘l Alla bħala missierhom, għalkemm jiftaħru li għandhom għaliex huma m’għandhomx lil Marija bħala ommhom. Kieku lil Marija kienu jqisuha bħala ommhom, kieku kienu jħobbuha u jqimuha bħalma iben tassew u twajjeb naturalment iħobb u jqim ‘l ommu li tatu l-ħajja. Dan jagħtina l-iktar sinjal, infallibli u żgur, li bih tagħraf bejn l-eretiku, il-bniedem ta’ duttirna falza, u l-ħażin minn naħa waħda u dak li hu predestinat minn naħa l-oħra. L-eretiku u l-bniedem ħażin għandhom l-attitudni ta’ mibgħeda u indifferenza lejn il-Verġni Mqaddsa. Huma jippruvaw inaqsu d-devozzjoni u l-imħabba tagħha minn qalb il-bnedmin, bil-kliem u bl-eżempju, fil-moħbi u fil-beraħ, u xi drabi b’wirja falza ta’ raġunar qarrieqi. Tassew Alla l-Missier ma sejjaħx lil Marija biex tgħammar fihom għax huma Eżaw oħra.
31. Alla l-Iben jixtieq li jkun iffurmat, bħallikieku nkarnat kuljum, fil-membri tiegħu permezz ta’ Marija. Hu jgħidilna: “ U iret sehmek f’Israel.” (Sir 24,8).
Bħallikieku qal: “Alla Missieri tani l-ġnus kollha tal-art b’wirt, il-bnedmin kollha tajbin u ħżiena dawk ippredestinati u dawk mgħaddsin fid-dnub. Jiena mmexxi tal-ewwel b’xettru tad-deheb u lill-oħrajn b’xettru tal-ħadid. Jiena nkun għal tal-ewwel Missier u Avukat, il-Vendikatur ġust għal tat-tieni, u Mħallef għal kulħadd. Iżda inti, għażiża Ommi, inti jkollok b’wirt u bħala tiegħek l-ippredestinati biss għax-xbieha tagħhom huwa Israel. Bħala l-Omm twajba tagħhom, inti tnissilhom, tedukahom u tieħu ħsiebhom; bħala s-Sultana tagħhom inti tmexxihom, tiggvernahom u tiddefendihom.”
32. L-Ispirtu s-Santu jgħid: “Ilkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha!” (S 86,5). Skont is-Santi Padri, l-ewwel bniedem li twieled minn Marija, hu Alla magħmul bniedem, Ġesu’ Kristu ; u t-tieni hu l-bniedem kreatura, l-Iben adottiv ta’ Alla u ta’ Marija. La darba Ġesu’ Kristu; ir-Ras tal-bnedmin, twieled minn Marija bilfors jiġi li l-predestinati, li huma l-membri tar-Ras, għandhom ukoll jitwieldu fiha. Omm ma twellidx ir-ras mingħajr il-membri jew il-membri mingħajr ir-ras, għaliex dan ikun mostru, skerz tan-natura. Hekk ukoll fl-ordni tal-grazzja, ir-Ras u l-membri jitwieldu mill-istess Omm. Li kieku membru tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, jiġifieri wieħed ippredestinat, jitwieled xort’oħra u mhux minn Marija li welldet ir-Ras, żgur li ma kienx ikun bniedem ippredestinat jew membru ta’ Kristu, imma biss skerz fl-ordni tal-grazzja.
33. Terġa’, Ġesu’ Kristu, hu issa bħalma kien qabel, il-frott ta’ Marija. Is-sema u l-art dan ifakkruh elf darba kuljum: “U mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, Ġesu’.” Għalhekk, hu żgur li Ġesu’ huwa individwalment għal kull bniedem li jippossedih, tassew il-frott u l-opra ta’ Marija daqs kemm hu għad-dinja kollha b’mod ġenerali: b’tali mod li n-nisrani, li f’qalbu hemm ffurmat Ġesu’ Kristu jista’ jazzarda jgħid: “Inroddu ħajr lil Marija! Dak li jien nippossiedi, hu l-effett u l-frott tagħha, u mingħajrha ma kontx inkun nista’ nippossedih.” Nistgħu napplikaw għaliha, b’verita’ ikbar minn dak li fil-kuntest applika San Pawl b’dawn il-kelmiet: “Għal darba oħra qiegħed inħoss l-uġigħ tal-ħlas sakemm Kristu jissawwar fikom.” (Gal 4,19). Snatu Wistin, f’silta li fiha l-entużjażmu tiegħu jisboq dak kollu li għidna s’issa, jgħid li l-magħżulin, sakemm huma fid-dinja huma moħbija fil-ġuf tal-Verġni Mqaddsa, biex isiru jixbħu lilu fis-sura tal-Iben t’Alla. Hemm huma jkunu mħarsin, mitmugħin, miżmumin u żviluppati minn din l-Omm twajba sa ma twassalhom fil-glorja wara mewthom, li propjament hu l-jum tat-twelid tagħhom, kif il-Knisja ssejjaħ il-mewt tal-ġusti. X’misterju tal-grazzja li fuqu dawk li huma l-ħżiena ma jafu xejn, u li anke l-magħżulin nfushom, ma tantx jafu fuqu!
34. F’Marija u permezz ta’ Marija, Alla l-Ispirtu s-Santu jogħġbu jifforma l-magħżulin tiegħu u għalhekk jgħidilha: “U xenxilt l-għeruq tiegħi f’poplu ta’ ġieħ.” (Sir 24,12). Fi kliem ieħor: “Ħawwel Għażiża tiegħi, u Għarusa tiegħi, l-għeruq tal-virtujiet tiegħek kollha, fil-magħżulin tiegħi, ħalli jkunu jistgħu jikbru minn virtu’ għall-oħra u minn grazzja għall-oħra. Kont hekk nitgħaxxaq bik meta fuq l-art int kont għaddej ħajtek tħaddem il-virtujiet l-aktar kbar li jiena għadni nixtieq insibek fid-dinja mingħajr ma tieqaf li tkun preżenti fis-sema. Ġedded lilek innifsek mela, fil-magħżulin tiegħi: “Ħallini nithenna nara fihom l-għeruq ta’ fidi li ma tintrebaħx, tal-umilta’ tiegħek profonda, tat-tgħakkis f’kollox tiegħek, tat-talb ħerqan tiegħek, tal-imħabba mħeġġa tiegħek, ta’ tama sħiħa u tal-virtujiet kollha tiegħek. Inti għadek l-għarusa tiegħi, dejjem fidila, safja u tagħti l-frott. Ħalli l-fidi tiegħek, tagħtini nies ta’ twemmin, ħalli s-safa tiegħek inissel nies verġni għalija, u ħalli s-setgħa li għandek li tagħti l-frott, tagħtini l-magħżulin tiegħi, it-tempji tiegħi.
35. Meta Marija xxenxel l-għeruq tagħha f’ruħ, hi tnissel dawk l-għeġubijiet ta’ grazzja, li hi biss għandha l-ħila tnissel għaliex hi biss il-Verġni, li tagħti l-frott u li qatt kellha u lanqas qatt ma jkollna min hu bħala fis-safa u fil-fekondita’. Bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu Marija saret l-akbar ħidma li qatt ġrat, jew li għad tista’ sseħħ: it-twelid tal-Bniedem Alla. Għalhekk trid tkun hi li tagħmel qaddisin kbar li jidhru sat-tmiem taż-żmien. Għaliex il-formazzjoni u l-edukazzjoni tal-qaddisin il-kbar li jkunu hawn sal-aħħar tad-dinja huma fdati f’idejha. Din il-Verġni singulari u mirakuluża biss tista’ flimkien mal-Ispirtu s-Santu twettaq ġrajjiet kbar u straordinarji.
36. Meta l-Ispirtu s-Santu jsib l-Għarusa tiegħu f’ruħ, Hu jtir lejn dik ir-ruħ, jidħol fiha fil-milja tiegħu u jimliha bil-preżenza tiegħu fi proporzjon daqs kemm isib il-preżenza tal-Għarusa tiegħu. Waħda mir-raġunijiet għaliex l-Ispirtu s-Santu ma jagħmilx għeġubijiet tal-grazzja li jgħaġġbu fir-ruħ tagħna hi għaliex Hu ma jsibx fina għaqda qawwija biżżejjed mal-Għarusa fidila tiegħu li ma tinfired qatt minnha. Ngħid li ma tinfired qatt, għaliex minn mindu l-imħabba sostanzjali tal-Missier u l-Iben tgħarrset ma’ Marija biex tnissel lil Ġesu’ Kristu, ir-Ras tal-Magħżulin, u Ġesu’ Kristu fil-magħżulin, hu qatt ma twarrab minnha. Hi kienet dejjem fidila u tat frott.
2. Konsegwenzi
1. Marija s-Sultana tal-Qlub Kollha
37. Minn dan li għadni kif għidt jidher ċar, l-ewwel li Marija rċeviet minn għand Alla ħakma kbira fuq ir-ruħ tal-magħżulin. Hi ma tistax tgħammar fihom bħalma Alla l-Missier ordnalha tagħmel; ma tistax bħala ommhom tiffurmahom, tieħu ħsiebhom u tnissilhom għall-ħajja ta’ dejjem; ma tistax teħodhom bħala l-wirt u s-sehem tagħha, ma tistax tiffurmahom f’Ġesu’ Kristu u tagħmel lil Ġesu’ Kristu fihom, ma tistax tħawwel l-għeruq tal-virtujiet tagħha fihom u tkun sieħba li ma tinfired qatt tal-Ispirtu s-Santu fix-xogħol tal-grazzja tiegħu, anzi ngħid li ma kienet tista’ tagħmel xejn minn dawn il-ħwejjeġ li kieku ma kellix id-dritt u l-ħakma fuq dawn l-erwieħ bi grazzja singulari tal-Iktar Għoli. Meta taha s-setgħa fuq Ibnu naturali u waħdieni Alla taha wkoll setgħa fuq uliedu adottivi, mhux biss fuq ġisimhom, li jkollha ftit importanza, imma fuq ruħhom ukoll.
38. Marija hija s-Sultana tas-Sema u tal-art permezz tal-grazzja, kif Ġesu’ hu s-Sultan tagħhom, permezz tan-natura u tar-rebħa. Is-Saltna ta’ Ġesu’ Kristu hi prinċipalment fil-qlub jew fil-ħajja interjuri tal-bnedmin skont il-kliem: “Is-Saltna ta’ Alla fostkom qiegħda.” (Lq 17,21). Hekk ukoll is-saltna tal-Verġni Mqaddsa hi ġol-bniedem, jiġifieri fir-ruħ tiegħu. Għaliex hu prinċipalment fl-erwieħ li flimkien ma’ Binha, hija aktar igglorifikata milli fil-kreaturi kollha viżibbli. Għalhekk nistgħu ningħaqdu mal-Qaddisin u nsejħulha s-Sultana ta’ qlubna.
2. Marija hi meħtieġa għall-bnedmin
39. Imbagħad, għandna nikkonkludu, li bħalma Marija kienet meħtieġa għal Alla, hi ħtieġa hekk imsejħa, ipotetika, għaliex hija konsegwenza tar-rieda tiegħu, hi aktar meħtieġa għall-bnedmin biex jilħqu l-iskop tal-ħajja tagħhom. Għalhekk m’għandniex nqabblu d-devozzjoni lejn il-Madonna ma’ dik id-devozzjoni tal-qaddisin l-oħra, bħallikieku d-devozzjoni lejn Marija ma kinitx iżjed meħtieġa jew bħallikieku kienet xi ħaġa li nistgħu ma nagħżluhiex, għall-ħajja tagħna spiritwali.
1. Id-devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka hi meħtieġa għall-bnedmin kollha jekk iridu jsalvaw.
40. L-għaref u qaddis Ġiżwita Suarez u l-għaref devot Juste-Lipse, duttur ta’ Louvain, u ħafna oħrajn, urew illi d-devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka hija meħtieġa għas-salvazzjoni, u biex jagħtu prova ta’ dan, dawn in-nies għorrief ġabru x-xhieda tas-santi padri – fost l-oħrajn ta’ Santu Wistin, Sant Efrem, Djaknu minn Odessa, San Ċirillu ta’ Ġerusalemm, San Ġermanu ta’ Kostantinopli, San Ġwann Damaxxenu, San Anselmu, San Bernard u San Bernardinu, San Tumas u San Bonaventura, u iżjed urew li n-nuqqas mill-qima u l-imħabba lejha huwa sinjali infallibli ta’ telfien kif Ecolumpadius u ħafna eretiċi oħrajn stqarrew huma stess; waqt li tkun tassew devot ta’ Marija u tqimha huwa sinjal ċar ta’ predestinazzjoni.
41. Ix-xbihat u l-kliem tar-Rabta l-Qadima u tar-Rabta l-Ġdida jippruvaw din il-verita’, is-sentimenti u l-eżempji tal-qaddisin iwettquha, ir-raġuni u l-esperjenza juruha u jsostnuha; anke x-xjaten u l-ħbieb tagħhom, marsusin mill-qawwa tal-verita’, spiss kienu mġagħlin jammettuha, minkejja r-rieda tagħhom. Jiena ġbart ġabra kbira ta’ siltiet mis-santi padri u d-dutturi tal-Knisja biex nipprova din il-verita’, iżda biex ma ntawwalx sejjer ngħid waħda biss. “Li nkun devot tiegħek, O Verġni Mqaddsa,” jgħid San Ġwann Dammaxenu, “hija arma ta’ salvazzjoni li Alla jagħti lil dawk li jrid isalva.”
42. Hawnhekk nista’ nirrakonta ħafna ġrajjiet li jippruvaw l-istess ħaġa, fost l-oħrajn: (1) Dik li naqraw fil-ħajja ta’ San Franġisk, illi waqt waħda mill-estasi tiegħu, huwa lemaħ sellum kbir li jasal sas-sema, li fit-tarf kien hemm il-Verġni Mbierka u ġie muri lilu li kien meħtieġ li wieħed jitilgħu biex jasal fis-Sema: (2) dik li naqraw, fil-ġrajjiet ta’ San Duminku, kif dal-qaddis, meta kien ħdejn Carcassonne jippriedka r-Rużarju, iltaqa’ ma’ wieħed eretiku żvinturat, li ruħu kienet maħkuma minn ħmistax-il elf xitan. Bi kmand li tathom il-Madonna, dawn ix-xjaten kienu obbligati, b’konfużjoni kbira tagħhom li jistqarru, xi veritajiet kbar u ta’ faraġ fuq d-devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka. Huma għamlu dan b’tant konvinzjoni u ċarezza illi ċkejkna kemm hi ċkejkna d-devozzjoni lejn Marija, ma tistax ma xxerridx dmugħ ta’ ferħ meta taqra din il-ġrajja awtentika u l-eloġju fuq din id-devozzjoni li x-xitan kien imġiegħel jagħmel.
2. Id-devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka f’dawk li huma msejħin għall-perfezzjoni speċjali.
43. La darba d-devozzjoni lejn il-Madonna hi meħtieġa għall-bnedmin kollha jekk iridu jsalvaw, hi aktar meħtieġa f’dawk li huma msejħin għall-perfezzjoni speċjali. Jien ma naħsibx li xi ħadd jista’ jikseb għaqda sħiħa mas-Sinjur tagħna, u fedelta’ perfetta lejn l-Ispirtu s-Santu, mingħajr għaqda profonda mal-Verġni Mbierka u dipendenza kbira fuq l-għajnuna tagħha.
44. Marija biss sabet grazzja quddiem Alla, mingħajr l-għajnuna ta’ kreatura oħra. L-oħrajn kollha li sabu grazzja quddiem Alla, għamlu dan permezz tagħha u dan jibqa’ veru minn dawk li f’xi żmien jogħġbu lil Alla. Hi kienet mimlija bil-grazzja meta sellmilha l-Arkanġlu Gabriel, u ġiet mogħtija grazzja suprabbondanti meta niżel fuqha l-Ispirtu s-Santu bil-preżenza bla tarf tiegħu. Dawn iż-żewġ miljiet ta’ grazzja, hi hekk kabbret minn ġurnata għall-oħra, u minn mument għall-ieħor, li laħqet grad hekk għoli tal-għaġeb ta’ grazzja, illi Alla għamilha t-teżoriera waħdanija tar-rikkezzi tiegħu, u d-dispensatriċi waħdanija tal-grazzji tiegħu biex hi tkun tista’ tagħmel nobbli, tgħolli u tagħmel sinjur lil min trid hi; hekk li tkun tista’ tmexxi lil min tagħżel hi mit-triq id-dejqa li twassal fis-sema. Hi tkun tista’ tħares il-passi tagħhom, f’nofs il-perikli, fil-bieb id-dejjaq. Hi tkun tista’ tagħti, lill-magħżulin tagħha, it-tron, ix-xettru u l-kuruna tas-Sultan tas-Sema. Dejjem u kullimkien Ġesu’ hu l-frott u l-Iben ta’ Marija, u Marija hi verament kullimkien is-siġra li tagħti l-frott tal-ħajja, u l-vera omm li tipproduċih.
45. Alla ta l-imfietaħ tal-ħażna tal-Imħabba Divina lil Marija biss, kif ukoll is-setgħa li tidħol fl-iktar sigriet sublimi tat-triqat tal-perfezzjoni, u biex tmexxi lill-oħrajn f’dawn it-triqat. Permezz ta’ Marija biss, l-ulied imsejkna ta’ Eva infidila, jiġu mogħtija d-dritt biex jidħlu fil-ġenna tal-art, fejn inkunu jistgħu jimxi fil-paċi ma’ Alla; u fejn ikunu jistgħu jsibu kenn bla biża’, kontra l-għedewwa tagħhom, biex hemm, bla biża’ mill-mewt, ikunu jistgħu jieklu mill-frott bnin tas-siġra tal-ħajja, u tas-siġra tal-għerf, tat-tajjeb u tal-ħażin. Hemm ikunu jistgħu jgawdu xarbiet kbar mill-ilma tas-sema, ta’ dik l-għajn abbundanti. Jew aħjar, Hi stess din il-Ġenna tal-Art, dan il-ġnien verġni u mbierek, li minnu ġew imkeċċija l-midinbin Adam u Eva; tiftaħ il-bieb ta’ dan il-ġnien, li hu Hi stess, lil dawk biss li jogħġbuha, biex tgħinhom isiru qaddisin.
46. Jekk nista’ nuża l-espressjoni tal-Ispirtu s-Santu, kif ifissirha San Bernard, l-għonja kollha jżejnuk minn nisel għall-ieħor u speċjalment fl-aħħar jiem tad-dinja. Fi kliem ieħor, l-ikbar qaddisin, l-erwieħ l-iktar għonja bil-grazzji u bil-virtujiet issibhom l-iktar perseveranti fit-talb lill-Madonna, u jżommuha dejjem quddiem għajnejhom, bħala l-mudell perfett li għandhom jimitaw u bħala l-aqwa għajnuna biex tħarishom u tgħinhom.
47. Jiena għidt li dawn l-affarijiet kollha jiġbru, b’mod speċjali, fl-aħħar tad-dinja. Permezz ta’ Ommu l-Imqaddsa Alla se jagħti lid-dinja, qaddisin kbar li jisbqu fil-qdusija, lill-parti l-kbira tal-qaddisin l-oħra fil-qdusija daqs kemm iċ-ċedri tal-Libanu jegħlbu fil-kobor u l-maesta’ tagħhom lill-issopu tal-widien. Dan kien irrevelat lil ruħ qaddisa li ħajjitha ġiet miktuba minn Mr de Rentry. *
48. Dawn il-ġganti ta’ qdusija, mimlija bil-grazzja u żelu jkunu magħżulin biex jieqfu lill-għedewwa t’Alla li qed jiġġerrew ma’ kull naħa. Huma jkollhom devozzjoni singulari lejn il-Madonna, imdawlin mid-dawl tagħha, imsaħħin bil-ħalib tagħha, immexxija mill-ispirtu tagħha, imsaħħin bil-qawwa tagħha u mħarsa bil-kenn tagħha. B’id waħda huma jiġġieldu u bl-oħra jibnu. Huma jissieltu, jegħilbu, jeqridu u jisħqu l-eretiċi bl-ereżji tagħhom, ix-xiżmatiċi bix-xiżmi tagħhom, l-idolatri bl-allat foloz tagħhom u l-midinbin bid-dnubiet tagħhom. Huma jibnu t-tempju tal-veru Salamun u l-belt mistika t’Alla. Jiġifieri l-Imqaddsa Verġni Marija, imsejħa mis-Santi Padri: “It-tempju ta’ Salamun u l-belt t’Alla.” Bi kliemhom u bl-eżempju tagħhom jiġbdu ħafna nies għal din il-vera devozzjoni, ġrajja li ġġibilhom ħafna għedewwa, imma ġġibilhom ukoll teżor ta’ rebħiet u glorja għal Alla waħdu. Dan hu li Alla nebbaħ lil San Vinċenz Ferreri, l-appostlu l-kbir ta’ żmienu, kif wera ċar hu stess f’waħda mill-kitbiet tiegħu. L-Ispirtu s-Santu donnu ħabbar din il-verita’ fis-Salm 58, 14-16, fejn naqraw: “biex kulħadd jagħraf li Alla jaħkem fuq Ġakobb sat-trufijiet tal-art. Jersqu filgħaxija, jinbħu bħall-klieb, jiġġerrew ‘l hawn u ‘l hemm mal-belt. Jiġġerrew u jimirħu biex isibu x’jieklu.” Din hi l-belt li l-bnedmin għad iridu jduru magħha fl-aħħar tad-dinja biex jikkonvertu u jaqtgħu l-ġuħ tagħhom għall-ġustizzja, hija l-Imqaddsa Verġni li ġiet imsejħa mill-Ispirtu s-Santu l-Belt t’Alla.
* (Nota: Din ir-ruħ qaddisa kienet Marie des Valles, li d-Direttur Spiritwali tagħha kien San Ġwann Eudes.)
3. Id-Devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka tkun meħtieġa b’mod speċjali fl-aħħar taż-żminijiet.
1. Is-Sehem ta’ Marija fl-aħħar taż-żminijiet
49. Permezz ta’ Marija bdiet il-fidwa tad-dinja, u hu permezz tagħha li tkun mitmuma. Fl-ewwel miġja ta’ Kristu, Marija ma tantx kellha prominenza. Dan ġara, biex il-bnedmin li ma tantx kien għadhom mgħallma u mdawla fuq il-Persuna tal-Iben, ma jitbegħdux iżjed minnu, bix-xewqa u l-ġibda umana tagħhom lejn Marija, kif aktarx kien jiġri kieku kienu tassew jafuha, għas-sbuħija li Alla xeħet fuqha anke minn barra. Dan hu hekk veru, li San Dijonisju l-Areopaġita kiteb illi meta hu ra lill-Madonna kien jaħsibha xi Alla minħabba l-ġmiel tas-sbuħija risplendenti tagħha li kieku s-saħħa tal-fidi ma kinitx għallmitu xort’oħra. Madankollu, fit-tieni miġja ta’ Ġesu’ Kristu, Marija se tkun imħabbra u murija mill-Ispirtu s-Santu biex permezz tagħha, Ġesu’ Kristu jista’ jkun magħruf, maħbub u moqdi. Ir-raġunijiet li ġegħlu lill-Ispirtu s-Santu jaħbi l-Għarusa tiegħu, meta kienet fid-dinja u li jħalliha tidher wisq ftit meta l-Vanġelu xxandar għall-ewwel darba m’għandhomx jeżistu.
50. Mela, hi r-rieda t’Alla li jgħarraf u jipproklama lil Marija, il-kapulavur ta’ jdejh, f’dawn l-aħħar żminijiet:
1. għaliex bl-umilta’ profonda tagħha li nħbiet f’din id-dinja u tant tbaxxiet aktar mit-trab, qalgħet mingħand Alla, mill-Appostli u mill-Evanġelisti tiegħu li ma tiġix mgħarrfa lid-dinja;
2. għaliex billi Marija hi l-kapulavur ta’ Alla hekk kemm fl-art bil-grazzja, kif is-sema bil-glorja, Alla jrid li hi tkun igglorifikata u mfaħħra fuq l-art mill-bnedmin;
3. u ladarba hi ż-żerniq ta’ filgħodu li jiġi qabel u jħabbar ix-Xemx tal-Ġustizzja, Ġesu’ Kristu, jixraq li hi tkun magħrufa u jarawha biex permezz tagħha l-bnedmin jistgħu jagħrfu lil Kristu;
4. ladarba hija t-triq li minnha ġie fostna Ġesu’ Kristu l-ewwel darba, hekk għad tkun dik it-triq, meta Hu jiġi t-tieni darba għalkemm il-mod ikun xort’oħra;
5. ladarba Hi l-mezz żgur u t-triq dritta u bla tebgħa, li minnha aħna nimxu lejn Kristu u nsibuh perfettament, hu permezz ta’ Marija li dawk l-erwieħ iddestinati għall-qdusija tal-għaġeb, f’dawk l-aħħar jiem, isibu lil Kristu. Min isib lil Marija jsib il-ħajja, jiġifieri jsib lil Ġesu’ Kristu, li Hu t-Triq, l-Verita’ u l-Ħajja. Imma min ma jfittixhiex ma jistax isibha lil Marija. Lanqas ma jfittixha min ma jafhiex, għax ħadd ma jfittex jew jixtieq ħaġa li ma jafx biha. Għalhekk Marija għandha tkun magħrufa aktar minn qabel, għall-glorja u għall-għarfien akbar tat-Trinita’ Qaddisa;
6. F’dak l-aħħar żmien Marija għad tiddi bi ġmiel li qatt ma deher bħalu, fil-ħniena, fis-setgħa u fil-grazzja. Fil-ħniena, biex tiġbor flimkien u tilqa’ fl-imħabba lill-imsejkna midinbin u l-erwieħ mitluba li għad jikkonvertu u jirritornaw lejn il-Knisja Kattolika. Fis-setgħa kontra l-għedewwa ta’ Alla, il-pagani, ix-xiżmatiċi, Mawmettani, Lhud, u dawk li webbsu qalbhom fid-dnub li għad iqumu u jkunu ta’ periklu billi jqarrqu u jbiegħdu mill-Knisja b’wegħdiet u theddid lil dawk kollha li ma jkunux magħhom. Fil-grazzja biex tagħti l-kuraġġ u s-saħħa lis-suldati qalbiena u l-qaddejja fidili ta’ Kristu li jiġġieldu għalih;
7. Fl-aħħar Marija għad tkun terribbli bħall-eżerċtu lest għat-taqbida, speċjalment f’dawk l-aħħar żminijiet kontra d-demonju u l-ħbieb tiegħu. Billi d-demonju jaf li ż-żmien qed joqrob, Satana kuljum jirdoppja l-isforzi tiegħu u l-istrateġiji tiegħu, biex jindanna l-erwieħ tal-bnedmin kontra l-qaddejja fidili u l-ulied veri ta’ Marija. Billi r-rebħa tagħhom hi aktar diffiċli minn tal-bnedmin l-oħra, hu jqajjem persekuzzjonijiet ġodda u jpoġġilhom nases tal-biża’ quddiemhom.
51. Hija b’referenza speċjali għal dawk il-persekuzzjonijiet kiefra tal-aħħar, u li jiżdiedu kuljum sas-saltna tal-Antikrist li aħna għandna nifhmu l-ewwel profezija u saħta famużi tAlla, ippronunzjati fil-Ġenna tal-Art, kontra s-serpent. Għall-glorja tal-Verġni Mqaddsa, għas-salvazzjoni ta’ wliedha u għall-konfużjoni ta’ Satana, jixraq li hawn nikkummentaw fuqha. “Jiena nqajjem mibgħeda bejnek u bejn il-Mara, bejn nislek u nisilha, Hu jistħaqlek rasek u inti tisħaqlu għarqubu.” (Ġen 3,15).
52. Alla gwerra waħda ħalaq, imma hi gwerra li ma tiqafx, u li tiżdied fis-saħħa u l-ħruxija sal-aħħar tad-dinja. Din hi t-taqbida bejn Marija, l-Omm setgħana tiegħu u x-xitan, bejn uliedu l-qaddejja ta’ Marija u l-ulied u l-istrumenti ta’ Satana. L-għadu l-aktar tal-biża’ mela, li Alla qajjem kontra x-xitan hi Marija, Ommu Imqaddsa. Anke fi żmien it-tkeċċija mill-Ġenna tal-Art, meta Marija kienet għadha biss ħsieb fil-moħħ t’Alla, Alla ta lil Marija tant mibgħeda għall-għadu misħut t’Alla u tant enerġija biex tikxef il-malizzja ta’ dan is-serp qadim, tant saħħa biex tirbaħ, tirfes u tisħaq dan l-esseri supperv u ħażin, illi Satana iżjed jibża’ minnha milli mill-Anġli u mill-bnedmin kollha, u saħansitra f’ċertu sens, anke minn Alla stess. Il-korla, il-mibgħeda u s-setgħa t’Alla huma żgur aktar minn dawk tal-Verġni Mqaddsa ladarba s-setgħat ta’ Marija huma limitati. Biss hu minnu li:
a) billi Satana huwa spirtu supperv isofri aktar meta jkun mirbuħ u kkastigat minn qaddejja umli u ċkejkna t’Alla, illi l-umilta’ tagħha ċċekknu aktar b’mistħija milli jiċċekken bis-setgħa t’Alla;
b) u billi Alla ta’ lil Marija setgħa hekk kbira fuq ix-xjaten li jibżgħu iżjed minn tnehida tal-Madonna għall-ruħ milli jibżgħu mit-talb tal-qaddisin kollha u jitwerwru u jitilqu aktar bil-biża’ minn theddida waħda li hi tagħmel kontrihom milli jibżgħu mit-torturi l-oħra kollha, kif bosta drabi kienu mġegħla jammettu kontra qalbhom permezz ta’ xi wieħed ppossessat.
53. Dak li Luċifru tilef bis-suppervja, Marija rebħet bl-umilta’. Dak li Eva qerdet bid-diżubbidjenza, Marija salvat bl-ubbidjenza. Billi obdiet is-serpent, Eva ntlifet hi, u magħha wliedha li hi tagħtu; u billi Marija kienet perfettament fidila lejn Alla, Marija salvat l-uliedha kollha u l-qaddejja li hi ġabret magħha, u ddedikathom lill-Maesta’ Divina.
54. Alla ma qiegħedtx mibgħeda biss bejn Marija u x-xitan, imma wkoll bejn in-nisel tiegħu tagħha u n-nisel tiegħu. Fi kliem ieħor, Alla nissel mibgħeda, antipatija u għira moħbija bejn l-ulied veri u qaddejja ta’ Marija u l-ilsiera ta’ Satana. M’hemmx imħabba bejn dawn iż-żewġ razez, ladarba m’hemm l-ebda kuntatt interjuri bejniethom. Ulied Belial, l-ilsiera ta’ Satana, il-ħbieb tad-dinja (għax hi l-istess ħaġa), dejjem ippersegwitaw u jkomplu jagħmlu hekk, bi vjolenza akbar, lil dawk kollha li huma tal-Verġni Mqaddsa, sewwa sew kif fl-antik, Kajjin ippersegwita lil ħuh, Abel, u Eżaw lil ħuh Ġakobb, dawn kienu xbihat tal-ħżiena u l-ippredestinati. Imma l-Madonna dejjem tirbaħlu lil dan is-serpent supperv, ir-rebħa hekk kbira li tisħaqlu rasu fejn tinbet dis-suppervja. Hi dejjem issiblu l-ħażen tiegħu u turi l-pjanijiet infernali tiegħu. Hi tfarrak il-pariri djaboliċi tiegħu u tħares lill-qaddejja fidili tagħha mill-kefrija ta’ difrejh sal-aħħar taż-żminijiet.
Iżda din is-setgħa ta’ Marija fuq ix-xjaten għad tiddi bi glorja speċjali fl-aħħar żminijiet meta Satana jdur għal għarqubha jiġifieri għall-qaddejja umli tagħha u għall-uliedha msejkna li hi tqajjem biex jiġġieldu ma’ ġenbha. Huma jkunu żgħar u tal-ebda mportanza f’għajnejn id-dinja, li jistgħu jiġu mxebbha mal-għarqub li pparagunat mal-membri l-oħra tal-ġisem, hu dejjem mgħaffeġ u mirfus taħt. Iżda, bi tpattija, huma jkunu mżejna bil-grazzji t’Alla li l-Madonna tagħtihom bl-abbundanza. Il-qdusija tagħhom tagħmilhom kbar, u mgħollija f’għajnejn Alla. Iż-żelu mħeġġeġ tagħhom jgħollihom fuq il-ħlejjaq l-oħra kollha. Tant ikunu msaħħin bl-għajnuna t’Alla, illi bl-umilta’ ta’ għarqubhom, maqgħudin ma’ Marija, huma jisħqu ras is-serpent infernali, u jġibu rebħa għal Ġesu’ Kristu.
2. L-Appostli tal-aħħar żminijiet
55. Fl-aħħarnett, Alla jixtieq li issa iktar minn qabel, Ommu l-Imqaddsa għandha tkun aktar magħrufa, u aktar maħbuba u mweġġħa bil-ħeġġa. Dan żgur li jiġri jekk l-ippredestinati jaddottaw bil-grazzja u l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu l-prattika interjuri u perfetta tad-devozzjoni lejn Marija li jien se niddeskrivi f’dan il-ktieb. Huma jħarsu lejn din il-Kewkba tal-Baħar, jarawha hekk ċara daqs kemm tħallihom il-Fidi, u bid-dawl werrej tagħha huma jaslu fil-port imqaddes tal-mistrieħ etern minkejja t-tempesti u l-perikli tal-baħar. Huma jitgħallmu jagħrfu l-kobor ta’ din is-Sultana u jikkonsagraw ruħhom kollha għas-servizz tagħha bħas-sudditi u l-ilsiera tal-imħabba tagħha. Huma jduqu l-ħlewwa u t-tjubija tagħha ta’ omm, u jħobbuha ħafna bħal uliedha l-għeżież. Billi jagħrfu l-bżonn kbir tal-għajnuna tagħha, huma jduru lejha f’kull ħaġa, bħal avukata u medjatriċi għażiża ma’ Kristu, u mbagħad żgur li jaraw kemm hi kbira l-ħniena tagħha. Jitgħallmu li hi t-triq l-aktar żgura, ħafifa, dritta u perfetta li twassal għand Ġesu’ Kristu, u b’din il-konvinzzjoni huma jagħtu lilhom infushom b’ruħhom u ġisimhom lilha, biex b’hekk u bl-istess mod ikunu ta’ Ġesu’ Kristu.
56. Iżda x’sinjal ikollhom dawn il-qaddejja, l-ilsiera u l-ulied ta’ Marija? Ikunu nar jaqbad, ministri tal-Mulej, li jixgħelu n-nar tal-imħabba t’Alla fid-dinja. Ikunu qishom vleġeġ qawwija fl-id setgħana tal-Madonna biex jindfu l-għedewwa tagħha.
Ikunu ulied ta’ Levi, imsoffijin tajjeb bin-nar ta’ tribulazzjonijiet kbar u maqgħudin intimitament mAlla. Ikollhom id-deheb tal-imħabba f’qalbhom, l-inċens tat-talb f’moħħhom, u l-mirra tal-mortifikazzjoni f’ġisimhom. Għall-fqar u l-umli huma jkunu l-fwieħa ta’ Ġesu’ Kristu, filwaqt li għas-setgħana, għas-sinjuri u għas-suppervi huma jkunu l-intiena tal-mewt.
57. Huma jkunu bħal sħab tar-ragħad, u bħal sħab jiġri mas-sema mċaqlaq ma’ kull nifs tal-Ispirtu s-Santu. Maħlulin minn kull ħaġa tad-dinja filwaqt li l-ebda ħaġa tad-dinja ma togħġobhom, u ma jagħtu kas ta’ xejn tad-dinja, huma jxerrdu bħax-xita l-Kelma t’Alla u tal-Ħajja ta’ dejjem. Huma jikkumbattu d-dnub, jilmentaw mid-dinja u s-sajjetti tagħhom jolqtu x-xitan u l-ħbieb tiegħu. Bix-xabla li taqta’ minn żewġ naħat tal-Kelma ta’ Alla, huma jinfdu fil-fond, lil dawk kollha li għalihom kienu mibgħutin f’isem Alla u l-ferita tkun jew għall-ħajja nkella għall-mewt.
58. Huma jkunu l-veri Appostli f’dak l-aħħar żmien li lilhom Alla tal-Virtujiet jagħti l-kelma u s-setgħa biex jagħmlu l-mirakli li jisirqu lill-għedewwa tagħhom bil-glorja. Billi ma jkollhom l-ebda xewqa għad-deheb u l-fidda, huma jorqdu f’nofs il-qassisin u l-ekklesjastiċi (S 67, 14). Madankollu huma jkollhom ġwienaħ bħal tal-ħamiem imberflin bil-fidda, biex jistgħu jtiru kull fejn l-Ispirtu s-Santu jsejħilhom imqanqlin mill-intensita’ safja biex ikabbru l-glorja t’Alla u s-salvazzjoni tal-erwieħ. Fil-postijiet fejn jippridkaw, huma ma jħallux warajhom ħlief id-deheb tal-karita’ li hi l-milja tal-Liġi.
59. Fl-aħħarnett aħna nafu li jkunu veri appostli ta’ Kristu. Jimxu fuq l-eżempju tiegħu ta’ faqar, umilta’, karita’ u l-istmerrija tad-dinja, huma jgħallmu t-triq id-dejqa ta’ Alla bil-verita’ skont il-Vanġelu Mqaddes, u mhux skont il-massimi tad-dinja. Huma ma jagħtu kas tal-ebda bniedem u ma jarawx l-uċuħ tal-persuni, u ma jaħfruhiex u ma jibżgħu minn ebda bniedem, qawwi kemm hu qawwi. Fuq fommhom ikollhom ix-xabla li taqta’ minn żewġ naħat tal-Kelma t’Alla. Fuq spallejhom huma jġorru l-istandard imċappas bid-demm tas-Salib, li huma jżommu b’idhom il-leminija waqt li fix-xellugija jżommu l-kuruna tar-Rużarju. L-ismijiet qaddisa ta’ Ġesu’ u Marija jkunu minquxa f’qalbhom, il-modestja u l-mortifikazzjoni ta’ Kristu fl-imġiba tagħhom kollha.
Hekk mela jkunu n-nies kbar li għad jiġu. Imma l-Madonna tkun magħhom bi kmand t’Alla biex tifrex is-Saltna tiegħu fuq il-ħżiena, l-idolatri u l-Mawmettani. Meta jkun dan u kif sejjer jitwettaq? Alla biss jaf. Sadattant is-sehem tagħna hu li nixtiequ fis-skiet nitolbu, nitniegħdu u nistennew. (S 39,1).