TALB ANTIK LILL-MADONNA (ġabra ta’ Tarcisio Zarb)
23. Omm qaddisa tal-kbir Alla
Omm qaddisa tal-kbir Alla,
taħt il-mant tiegħek nistkennu,
Tirruftax it-talb minn tagħna,
waqt li lilek aħna ntennu.
Fil-bżonn kbir li fih ninsabu,
bil-mant tiegħek int ħarisna.
Magħna kun dejjem pjetuża,
Verġni Mqaddsa u Glorjuża.
Omm qaddisa tal-kbir Alla,
taħt il-mant tiegħek nistkennu.
Tirruftax it-talb minn tagħna,
dak li lilek aħna ntennu.
Fil-bżonn kbir int ieqaf magħna,
mill-periklu int ħarisna,
bit-talb tiegħek int qaddisna,
Magħna kun dejjem pjetuża,
Verġni mqaddsa u glorjuża.
(Dawn huma verżjonijiet popolari ta’ talba antika bil-Latin magħrufa mill-ewwel vers: SUB TUUM PRAESIDIUM.)
24. Talba lill-Madonna taċ-Ċintura
Madonna tal-Konsolazzjoni, ikkonsolana.
Eħlisna mit-tentazzjoni u aqlgħalna l-eterna salvazzjoni.
Madonna tal-Faraġ, itlob għalina.
(tingħad is-Salve Reġina)
25. Warda t’Alla
Warda, li bil-ġmiel u l-fwieħa tiegħek
għaxxaqt il-qalb t’Alla, itlob għalina.
26. Tislima lill-Madonna
It-tbissima minn ta’ fommok,
il-ġmiel ta’ dawk għajnejk,
ġmiel is-sema fihom nara
qatt ma nixba’ nħares lejk.
27. Tliet Avemarijiet lill-Madonna
Tliet Avemarijiet lill-Madonna
f’ġieħ dawk it-tlitt ijiem
li l-Madonna damet fil-qabar.
Taqlgħalna tliet grazzji.
Taqlgħalna l-indiema perfetta ta’ dnubietna,
l-umiltà tal-qalb u tippreservana fil-grazzja ta’ Binha Ġesù.
(Jingħau tliet Avemarijiet)
28. Sliem għalik Marija
Sliem għalik Marija, O bint il-Missier etern Alla.
Sliem għalik Marija, Omm l-Iben etern t’Alla.
Sliem għalik Marija, O għarusa ta’ l-Ispirtu s-Santu Alla.
Sliem għalik Marija, O għamara tas-Santissima Trinità.
(Tliet Glorjapatri)
Dawn il-versi għandhom eku, għalkemm forsi fil-bogħod, ta’ l-innu lill-Madonna fil-Liturġija Biżantina magħrufa bħala ‘Akathistos’.
29. Lill-Madonna fl-Ave Marija (Angelus)
Anġlu ħabbar lil Marija
Omm minn t’Alla għandha ssir
u meta l-Ispirtu s-Santu
fiha jfisser għatx kbir. Ave Marija
Wara l-kliem tal-anġlu t’Alla,
wieġbet il-Verġni Marija:
“Hawn,” qaltlu “s-serva t’Alla.
Li trid inti isir fija.” Ave Marija
Wara dan il-Verb Divin
sar bniedem, ħa s-sura bħalna.
U għall-imħabba li ġibilna,
ġie fid-dinja u baqa’ magħna. Ave Marija
30. It-Tħabbira ta’ Marija
Isa, u ejja, ħalli mmorru,
ħa nisimgħu din l-aħbar:
inħallu ftit il-merħla
magħluqa ġo dal-għar.
“Is-sliem għalik, ja merħla,
is-sliem għalik, għarix:
is-sliem, widien u iġbla,
wis-sliem, siġar u ħaxix.”
“Il-passi fittex agħti,
ħalli nsibu l-Anġlu magħha,
isa, w ejja mmorru niġru
għax edina id-dar tagħha.”
“Dak Alla li hu miegħek
bl-akbar grazzja għoġbu jagħnik;
imbierka inti fost in-nisa,
Marija, is-sliem għalik!”
Marija l-kunsens tagħti
fiha nkarna l-Verb Divin;
fil-ġuf purissmu tagħha
jieħu l-forma tal-bnedmin.
Ifirħu, l-aħwa, ifirħu!
immorru nħabbru lil Kulħadd!
Ifirħu, l-aħwa, ifirħu!
Ferħ bħal dan żgur ma kien qatt!
31. O Madonna hawn quddiemek
O Madonna hawn quddiemek,
qalbi kollha ġejt nagħtik.
Ġejt nitolbok dawl u barka,
ġejt inqiegħed tamti fik.
O Madonna jiena tiegħek,
ħidma u serħ kollox għalik;
int ħarisni, int mexxini,
ejja ddumx malli nsemmik.
O Madonna isma’ talbi,
kun il-faraġ ta’ din qalbi.
TALB LIL MARIJA GĦALL-BŻONNIJIET TAS-SAĊERDOTI
32. Att ta’ Konsagrazzjoni lill-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija
O Qalb bla tebgħa ta’ Marija, mixħutin f’riġlejk nikkonsagraw lilna nfusna lilek. Nifhmu li nikkonsagrawlek dak kollu li aħna u dak kollu li għandna mingħajr ebda riserva.
Nikkonsagrawlek speċjalment il-missjoni li Ġesu’ Ibnek għoġbu jagħżilna għaliha, il-missjoni li nitolbu, ngħinu u nsofru għall-erwieħ saċerdotali, li huma l-erwieħ prediletti ta’ Ġesu’ u tiegħek.
Inti taf biżżejjed, O Marija, liema delikatezza u liema ġenerożita’ titlob minna missjoni bħal din. Imma aħna żguri mill-għajnuna tal-patroċinju tiegħek u għalhekk aħna nirrikorru lejk u f’idejk nerħu l-qadi tal-missjoni tagħna.
O Marija, din il-missjoni ma nistgħux naqduha sewwa mingħajr ma jkollna intimita’ kbira ma’ Ġesu’ Saċerdot Etern u l-ewwel saċerdot. Ressaqna għalhekk dejjem izjed lejn il-Qalb adorabbli tiegħu biex jagħmilna erwieħ tal-Ġetsemani, erwieħ li nkunu nafu nitolbu u nsofru.
Żvojta l-qalb tagħna minn kull imħabba li mhix ta’ Ġesu’, biex nimlewha bih. Rażżan l-amor proprju tagħna, ippurifika l-intenzjonijiet tagħna u agħmel fuq kollox li r-relazzjonijiet tagħna mas-saċerdoti ta’ Ġesu’ Ibnek ikunu kollha kemm huma spiritwali u sopranaturali.
Aċċetta, O Marija, din il-konsagrazzjoni tagħna lilek u nitolbuk biex waqt it-tqarbin tressaqna inti stess quddiem it-tron tal-lben tiegħek Ġesu’. F’ġieħ l-istess Kristu Sidna. Ammen.
33. Lill-Ommna Marija taħt is-Salib
Omm taħt is-Salib, Omm il-Ħniena, ixħet ix-xibka tiegħek, li int irbatt flimkien permezz tal-anġli u l-bnedmin. Ixħitha fuq is-saċerdoti kollha li għerqu fl-oskurita f’qiegħ il-baħar u salvahom bil-qawwa t’Alla u fil-ħniena materna ta’ mħabbtek! Ammen.
34. Talba lis-Sinjura tagħna tas-Santissmu Sagrament
O Vergni Marija, Sinjura tagħna tas-Santissmu Sagrament, glorja tal-poplu t’Alla f’din l-art, ferħ tal-Knisja u saħħa tad-dinja,
itlob għalina u qanqal fil-qlub ta’ dawk kollha li jemmnu fi Kristu Ibnek, fidi sħiħa fl-Ewkaristija Mqaddsa
biex ilkoll jingħaqdu bejniethom u jircevuha kif jixraq. Ammen.
35. Marija, Omm il-Knisja
Marija, Omm il-Knisja, induru lejk. Bl-‘iva’ tiegħek, inti ftaħt il-bieb għall-preżenza ta’ Kristu u għall-appell tal-Maesta’ Divina f’silenzju umli u b’sottomissjoni totali. Agħmel li ħafna rġiel u nisa jsiru jafu u jisimgħu, anki llum, il-vuċi ħelwa tal-istedina ta’ Ibnek: ‘Imxi warajja.’
Oħroġ l-idejn materni tiegħek fuq il-missjunarji mxerrda madwar id-dinja, fuq ir-reliġjużi rġiel u nisa li jassistu l-anzjani, il-morda, in-nies b’kull xorta ta’ diżabilita’, l-orfni; fuq dawk li huma mpenjati li jgħallmu, fuq il-membri ta’ stituti sekulari, il-ħidma tajba li ssir fis-silenzju; fuq dawk li fil-klawsura jgħixu fil-fidi u l-imħabba u jitolbu għas-salvazzjoni tad-dinja. Ammen.
Papa Ġwanni Pawlu II
36. Talba lil Marija għall-Bżonnijiet tal-Knisja
O Verġni Marija li assistejt għat-twelid tal-Knisja ta’ Ġesu’ Ibnek, nissel fi qlubna mħabba kbira lejn il-Knisja.
Inti li sofrejt dulur kbir fil-Qalb tiegħek meta rajt il-Knisja ppersegwitata, agħti nitolbuk, kuraġġ u għajnuna lil dawk kollha li qegħdin isofru u jikkumbattu għaliha.
Inti li t-talb tiegħek għandu tant qawwa fuq il-Qalb t’Alla, agħmel li ħutna kollha mxerrdin mad-dinja juru mħabba, rispett u ubbidjenza lejn il-Knisja.
Nissel fina lkoll żelu kbir fis-servizz tal-Knisja, għarusa maħbuba ta’ Ġesu’ Kristu Ibnek, li jgħix u jsaltan mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
37. Talba lil Marija għas-Saċerdoti
Omm is-Salvatur tagħna, f’dan iż-żmien iddedikat għalik, b’ferħ kbir insejjħulek imbierka. Inti emmint fil-Kelma t’Alla l-Missier u ddikjarajt lilek innifsek bħala l-qaddejja tiegħu, għalhekk permezz tiegħek, il-Verb sar bniedem u għammar fostna. Insellmulek bħala Omm, Ommna, Omm il-Knisja. Min jaf b’liema mħabba ħadt ħsieb tal-Knisja fil-bidu tagħha u b’liema attenzjoni ta’ Omm qawwejt lill-appostli filwaqt li kkommettew lilhom infushom biex iwettqu x-xogħol tal-Iben Divin tiegħek fid-dinja. Agħmel li l-Knisja tkun dejjem is-sinjal u l-istrument ta’ unjoni intima ma’ Alla.
Lilek, Ommna, nafdaw b’mod speċjali l-isqof u s-saċerdoti tad-djoċesi tagħna. Lilhom ingħata li jaqsmu b’mod speċjali fis-Saċerdozju tal-Iben Divin tiegħek. Hu għażilhom biex ikunu ministri tal-Kelma Tiegħu u tas-Sagramenti. Itolbu biex jimlihom biż-żelu, biex iżommhom fidili u ferħana fis-servizz tiegħu, konxji tal-fatt li huma jieħdu ħsieb sabiex jagħtu glorja lill-Missier u unur lill-Knisja.
Omm Qaddisa, żid in-numru tas-saċerdoti billi tnebbaħ liż-żgħażagħ tagħna biex ikunu aktar ġenerużi fit-tweġiba tagħhom biex iservu lil Ġesu’ fis-saċerdozju u fil-ħajja reliġjuża.
Saħħaħ lilna lkoll, O Verġni Marija, fil-vjaġġ tagħna tal-fidi u għaqlagħlna l-grazzja tas-salvazzjoni eterna.