INNIJIET MARJANI
85. Innu Verġni mbierka
Verġni mbierka, Omm ta’ Ġesu’,
sa minn dejjem għażlek Hu;
fawwrek bil-grazzja u żejnek għalih:
lilek, Marija nagħtuk kull ġieħ.
Ave, Ave, Ave Marija (x2)
Bl-aqwa mħabba lqajt il-Feddej,
għext qaddejja tal-Mulej.
Lil Gabrijel emmint minnufih:
lilek Marija, nagħtuk kull ġieħ.
Ave, Ave, Ave Marija (x2)
Int kenn ta’ wliedek dgħajfin,
tama u faraġ tal-bnedmin;
f’Qalbek insibu l-ogħla mistrieħ:
lilek Marija, nagħtu kull ġieħ.
Ave, Ave, Ave Marija (x2)
F’din id-dinja mħawwda ta’ llum,
erfa’ qlubna lejk kuljum.
Dawl il-Mulej lill-bniedem agħtih:
lilek Marija, nagħtu kull ġieħ.
Ave, Ave, Ave Marija (x2)
86. Angelus (Lilek, Omm Alla)
Lilek, omm Alla b’għaxqa nsellmulek.
X’ħin tfiġġ il-għodwa, l-għanja ngħannulek.
Bil-ferħ, bil-hena, qlubna mogħnija:
Ave Marija, Ave Marija.
X’ħin b’saħħa tiżreġ ix-xemx ħanina,
f’nofs il-jum sbejjaħ, biex ħajja ttina.
L-ilħna lejk nerfgħu, f’għanja smewwija:
Ave Marija, Ave Marija.
X’ħin jgħib minn fuqna dad-dawl fiddieni,
u d-dalma taqa’ tal-lejl sewdieni.
Lilek nsellmu, ja Omm qawwija:
Ave Marija, Ave Marija.
87. Bħall-warda li tiftaħ
Bħall-warda li tiftaħ,
fil-ħmura, fid-dinja;
il-ħlewwa ta’ mħabbtek,
dewwaqna Marija.
U l-għana ninsġulek,
bil-ħlewwa flimkien,
u ismek fuq fommna,
fi ġmiel il-ħolqien.
Marija Marija.
Bħall-ġilju fil-bjuda,
bla tebgħa, Marija,
fis-safa, ġo ħdanek
Int żommna bla ħtija.
U l-għana...
Bħall-vjoli fil-weraq,
tul ħajtek moħbija:
int bħalek niċċekknu
għallimna, Marija.
U l-għana...
88. F’dik ħarstek ħanina
F’dik ħarstek ħanina,
f’dak ismek sabiħ,
int tiġbor Marija,
kull ħlewwa, kull ġieħ.
Hekk sbejħa, hekk safja,
b’kull ġmiel ta’ virtu’,
biex tkun tempju t’Alla,
ta’ Ibnek Ġesu’.
Intfew quddiem ġmielek,
in-nisa twajbin,
li b’għerfhom u ġmielhom,
issaħħru l-bnedmin.
Hekk sbejħa....
Magħżula mis-sema,
bħal ġilju int ftaħt,
fil-bjuda, fis-safa;
u ‘l artna fewwaħt.
Hekk sbejħa...
Imnissla bla tebgħa,
kif għoġbu l-Mulej;
kif jixraq, o Mbierka,
lil Omm il-Feddej.
Hekk sbejħa...
Bil-grazzja mimlija,
lil Ibnek nissilt;
għelibt lin-natura,
li stagħġbet b’dal-wild.
Hekk sbejħa...
Fik nisġa sabiħa,
ta’ kobor, ta’ ġmiel,
li minnha, Madonna,
biss nifhmu xi ħjiel.
Hekk sbejħa...
Imbierka sejjaħlek,
l-Arkanġlu mas-sliem,
imbierka l-ġnus kollha,
jsejħulek sat-tmiem.
Hekk sbejħa...
89. Talba tal-midneb
Ħallini llum ħelwa Marija,
nersaq f’riġlejk sabiex nitolbok,
titlob għalija lil Ġesù Ibnek,
għax jien naf żgur li jisma’ minnek.
Rit:
Jien naf ukoll li inti tħobbni,
għax għażlek Hu sabiex tkun ommi.
Għalhekk bil-qalb ser intennilek: Ave Maria.
Kull fejn ħarsti ddur, lilek nilmaħ żgur,
fuq l-art u s-smewwiet jidwu l-innijiet.
Biex nuruk il-ferħ kbir, li bih il-qalb tkun trid ittir.
Infaħħruk, inqimuk, bħala sultana. Rit:
90. Fis-santwarju tal-Madonna
Hawn quddiemek Madonna mixħut,
għax inħossni hekk mifni u batut.
Jiena ġrejt u staqsejt, fejn insib ftit mistrieħ,
u bagħtuni f’riġlejk minnufih.
Rit:
U qaluli, Madonna, li ssebbaħ il-ġonna,
u għaliex inti ommna, taħt ħarstek iżżommna,
u aħna minn qalbna, Madonna nfaħħruk.
U qaluli, Madonna, li ssebbaħ il-ġonna,
u għaliex inti ommna, taħt ħarstek iżżommna,
u aħna, Madonna, bħal ommna nżommuk.
Barra l-ġemgħa titniehed mar-riħ,
fejn tiġġerra fid-dlam u fil-ksieħ.
Għalhekk ġejt għax staqsejt, fejn insib ftit tal-kenn,
u qaluli li inti taf tħenn. Rit:
Xtaqt li miegħi jien ġibtlek ftit ward,
minflok ġibtlek għollieq, xewk u mard.
Għalhekk ġejt għax staqsejt, min jibdilli l-għollieq,
u wegħduni li għandek infiq. Rit:
91. Ġejt quddiemek nitlob (As I kneel before you)
Ġejt quddiemek nitlob, b’qalbi kollha tama fik,
f’dan il-jum, tant sabiħ, imħabbti rrid nagħtik.
Rit:
Ave Maria, Gratia plena.
Dominus tecum, Benedicta tu.
Ħarstek kollha ħlewwa, titfa’ fuqi d-dawl ħanin.
Omm ta’ Ġesù, ħu ħsiebi int, kun ommi tul is-snin. Rit:
Bħalek ħajti noffri, kulma għandi, kull ma jien.
Għallimni int, naqdi bil-ferħ, lil Kristu kullimkien. Rit:
92. Infaħħru lil Marija
Infaħħru lil Marija, l-omm t’Alla u tal-bnedmin,
ngħannulha l-isbaħ għanja, bil-ferħ ta’ qlub safjin.
Rit:
Marija omm ħanina, minn qalbna nitolbuk,
għallimna dejjem iżjed, ta’ wliedek inħobbuk.
Int l-isbaħ fost il-ġilji, li jgħammru fil-widien,
il-ġmiel tal-bjuda tiegħek, hu l-għaxqa ta’ kull żmien. Rit:
Il-vjola l-iżjed ħelwa, li tfewwaħ ħdejn is-sies,
hi xbieha l-iżjed ċkejkna, ta’ rżintek mingħajr qies. Rit:
M’hemmx warda ġewwa l-ġonna, m’hemmx kewkba fis-smewwiet,
li ġmielhom int ma tisboq, ja omm tal-imħabbiet. Rit:
Int tgħaġġeb bi qdusitek, kemm anġli u qaddisin,
Sultana isellmulek, bi ġmielek imgħaxxqin. Rit:
93. Lil Marija Reġina
O Marija l-iżjed ħelwa, art u sema ifaħħruk.
Ġieħ u qima ta’ Reġina, bl-akbar ferħ it-tnejn jagħtuk.
Rit:
B’dik l-imħabba li int biha, l-itjeb, l-oħla, l-eqdes Omm,
O Reġina, il-mant tiegħek, fuqna dejjem dejjem żomm.
O Reġina, liema ħliqa, liema qalb ma tifraħx bik,
ma tixtieqx li d-dinja kollha, bl-akbar qima ġieħ tagħtik? Rit:
It-tron tiegħek, o Reġina, magħruf sewwa minn kulħadd,
jiddi dejjem bl-isbaħ dija, bħal ta’ xemx li ma tgħib qatt. Rit:
Jafuh sewwa u bih jiftaħru, dawk uliedek l-imsejknin,
li lejh jersqu b’toqol f’qalbhom, jerġgħu lura wisq henjin. Rit:
94. Fil-ħlewwa ta’ Mejju
Fil-ħlewwa ta’ Mejju, Omm tagħna Marija,
O kemm idoqq ħlejju, dak ismek sabiħ.
Kemm toħroġ qawwija, dil-kelma minn qalbna,
bit-tama li talbna, jagħtik l-akbar ġieħ.
Rit:
Int l-għaxqa tas-sema, ix-xemx tal-ħolqien.
Int l-omm ta’ min ħalqek. Bik mimli kull żmien.
Jekk tiftaħ fil-ġonna, il-warda Maltija,
tfakkarna, O Madonna, fil-lewn ta’ ħaddejk.
Jekk tidħaq id-dija, tal-kwiekeb irżina,
tfakkarna, O Ħanina, fil-ħarsa t’għajnejk. Rit:
Minn dejjem bint Alla, nadifa mill-ħtija.
Infrixt bħal qawsalla, fuq ras il-bnedmin.
Int ftaħt, O Marija, l-għejjun ta’ kull ħniena,
fuq l-aħwa ħosbiena, fuq l-aħwa ħatjin. Rit:
Għalhekk, ja Sultana, tal-ħlewwa Marija,
int biss tama tagħna, int qawwa tar-ruħ.
Bil-grazzja mimlija, kull waqt insellmulek,
bil-ħrara ngħajtulek, fis-siegħa tad-dmugħ. Rit:
95. Ismagħha l-Għanja
Ismagħha l-għanja, Sidtna Marija,
il-għanja ħelwa tagħna l-Maltin.
L-għanja li ntisġet min-nies għaqlija,
u nstemgħet tidwi f’eluf ta’ snin:
Rit:
Għażiża ommna, Sidtna Marija,
bis-sliem hennina t’Ibnek Ġesù.
F’kull naħa mwarrba tal-gżira tagħna,
hemm l-isem tiegħek, fil-blat miktub.
Tidħaq xbihetek, fil-knejjes kollha,
fejn tqimek dejjem, l-għanja tal-qlub. Rit:
L-għanja titolbok, Sidtna Marija,
li inti tibqa’, magħna f’kull żmien.
Għalhekk int amar, Ommna Marija,
li l-għanja tiegħek, ma tmut imkien. Rit:
96. Ħares xi qtajja
Ħares xi qtajja’, mara sabiħa, lilek inqimu, kollha ferrieħa!
Jien f’riġlejk magħhom, b’ferħ kbir ġo fija, O Verġni Mqaddsa, itlob għalija!
Kenn għall-midinba, qalbek ħanina, o Xebba Mbierka, kemm tħoss għalina!
B’faraġ u grazzji, qalbek mimlija, O Verġni Mqaddsa, Itlob għalija!
F’dal-wied tan-niket, tad-dnub, tad-dwejjaq, ir-ruħ u l-ġisem, tfarraġ u tfejjaq.
Lejk kulħadd jersaq, Ħelwa Marija, O Verġni Mqaddsa, Itlob għalija!
Nebħ il-baħħara, kewkba mixtieqa, Għam it-triq tajba, fuq l-ibħra għammieqa
Wassalni Inti, f’post it-Tgawdija, O Verġni Mqaddsa, Itlob għalija!
Il-ħarsa tiegħek, inħossha benna, sbejħa Sultana, għaxqa tal-ġenna,
xejn oħra minnek, kollox tjubija, O Verġni Mqaddsa, Itlob għalija!
Ħniena minn ruħi, Omm ħelwa tiegħi, kunli għajnuna, u ieqaf miegħi,
l-aktar fis-siegħa, tal-agunija. O Verġni Mqaddsa, Itlob għalija!
97. Madonna Sbejħa tagħna
Madonna sbejħa tagħna,
int bħalna l-ommijiet,
Int taħsel, tħijt, issajjar,
u ġġorr sa l-ilmijiet.
U tiknes kollok ħlewwa,
il-kamra tal-Bambin,
fejn jinżlu ħdejh fin-nieqa,
qtajjiet t’anġli ċkejknin.
Iżżomm il-ħwejjeġ nodfa,
ta’ San Ġużepp ħaddiem.
Il-qima lejh tinqara,
ġo ħarstek tfur bis-sliem.
Madonna sbejħa tagħna,
fi qlubna ġib in-nar,
ta’ mħabbtek kollha ħeġġa,
ħudilna ħsieb id-dar.
98. Minn qalbna nħobbuk
Minn qalbna nħobbuk, kull qima nagħtuk,
kun int il-kewkba li tfarraġ il-qlub.
Fuq dal-mewġ qalil, ninsabu mħabbtin,
fid-dlam mitluqa mingħajr ħarsien.
Rit:
Omm ta’ Ġesu’, Kewkba tas-sliem,
itlob għal dawn l-ulied imnikktin.
Sultana tal-qlub, meħlusa mid-dnub,
is-safa tiegħek fik ma ntilfet qatt.
Ħu talbna ħerqan għand Ibnek setgħan,
li b’Demmu ħelisna mit-telfien. Rit:
99. Oh! Kemm nixtieq narha
Oh! kemm nixtieq naraha, l-omm ħelwa tiegħi Marija,
li tgħaxxaq bis-sbuħija, lill-anġli, ‘ l-qaddisin.
Hemm fuq maġenb Ġesu’, fil-glorja tas-smewwiet.
Hemm fuq fuq tron tad-deheb, li jiddi bil-barkiet.
Oh! kemm nixtieq naraha, dan hu t-tnehid ta’ qalbi,
l-ilfiq li jħeġġeġ talbi, bil-lejl, bi nhar, kull ħin. Hemm...
Oh! kemm nixtieq naraha, din l-itjeb Omm li jiena,
bla qjies inħobb għall-ħniena, li tħoss għall-midinbin. Hemm ...
Oh! kemm nixtieq naraha, biex bl-akbar ferħ ngħannilha,
u l-eqdes ġieħ noffrilha, fil-ġenna tal-henjin. Hemm...
Oh! kemm nixtieq naraha, fil-għaqda magħha, għalija,
il-mewt hi għerusija, tbissima tas-safjin. Hemm...
100. Reġina tas-Smewwiet
Int tas-sema w l-art sultana, O Marija!
Fik it-tama kollha tagħna, O Marija!
Rit:
Kerubini, bl-akbar ġieħ, serafini bla mistrieħ,
tennu l-kelma tal-ħabbar:
Sliem għalik, sliem għalik, sliem għalik, Marija.
Int l-għaxqa tal-kbir Alla, O Marija!
Kollha l-grazzji f’idejk ħalla, O Marija! Rit:
Int l-Omm tal-akbar ħniena, O Marija!
Bl-oħla faraġ fl-hemm timliena, O Marija! Rit:
Int ta’ ruħna d-dawl u s-saħħa, O Marija!
L-aqwa serħ u ħlewwa tagħha, O Marija! Rit:
B’ferħ tas-sema ruħna fawwar, O Marija!
Meta ħarstek lejna ddawwar, O Marija! Rit:
Bħala Ommna ieqaf magħna, O Marija!
Isma’ t-talba mħeġġa tagħna, O Marija! Rit:
Tħallix l-għadu fuqna jirbaħ, O Marija!
Sabiex qalbna dejjem tifraħ, O Marija! Rit:
Nar l-imħabba kebbes fina, O Marija!
Ta’ Ġesu’ li miet għalina, O Marija! Rit:
Żommna dejjem ulied tiegħek, O Marija!
Ħudna l-ġenna ngawdu miegħek, O Marija! Rit: