KAPITLU IV - Il-Konsagrazzjoni Perfetta lil Ġesu’ Kristu
120. Ladarba l-perfezzjoni tagħna tikkonsisti filli nkunu nixbħu, maqgħudin, u kkonsagrati lil Ġesu’ Kristu, l-aktar perfetta fost id-devozzjonijiet, hi bla dubju, dik li l-aktar perfettament ixxebbaħna, tgħaqqadna u tikkonsagrana ma’ dal-mudell perfett tal-qdusija. Issa la darba Marija, hi fost il-krejaturi kollha l-aktar li tixbaħ lil Ġesu’ Kristu, jirriżulta li fost id-devozzjonijiet kollha, dik li tikkonsagrana u xxebbaħna l-aħjar mas-Sinjur Tagħna, hi d-devozzjoni lejn il-Madonna, l-Imqaddsa Ommu; u li aktar ma nkunuu kkonsagrati lil Marija, aktar inkunu perfettament maqgħudin ma’ Ġesu’ Kristu.
Għalhekk l-aktar konsagrazzjoni perfetta lil Ġesu’ Kristu, mhix ħaġ’oħra ħlief konsagrazzjoni perfetta u sħiħa tagħna nfusna lil Verġni Marija - id-devozzjoni li jien nirrikmanda; jew fi kliem ieħor tiġdid perfett tal-wegħdiet tal-Magħmudija Mqaddsa.
1. Il-Konsagrazzjoni perfetta u sħiħa tagħna nfusna lill-Verġni Mbierka
121. Din id-devozzjoni, mela, tikkonsisti filli nagħtu lilna nfusna kollna kemm aħna lill-Imqaddsa Verġni Marija, biex permezz tagħha aħna nkunu nistgħu nkunu kollna kemm aħna ta’ Ġesu’. Aħna għandna nagħtuha:
(1) Ġisimna bis-sensi u l-membri kollha tiegħu;
(2) Ruħna bis-setgħat kollha tagħha;
(3) Il-ġid materjali li għandna u dak li nistgħu nakkwistaw;
(4) Il-ġid interjuri u spiritwali - il-merti tagħna, il-virtujiet tagħna u l-opri tajba tagħna, tal-imgħoddi, ta’ issa u ta’ li ġej; fil-qasir dak kollu li għandna fl-ordni tan-natura, fl-ordni tal-grazzja u dak li qatt jista’ jkun tagħna, fl-ordni tan-natura, fl-ordni tal-grazzja u fl-ordni tal-glorja - u dan mingħajr l-ebda riserva, lanqas tal-iċken opra tajba; u għall-eternita’ kollha. Meta nagħmlu hekk, m’għandniex nippretendu jew nistennew, għall-offerta u x-xogħol tagħna, ebda ħlas, ħlief dak il-ġieh li aħna ta’ Ġesu’ Kristu permezz ta’ Marija u f’Marija, ma nħallux lilna nfusna niġu konxjament influwenzati mill-fatt li hi dejjem l-aktar liberali u l-aktar grata fost il-kreaturi.
122. F’dan l-istadju, ta’ min jinnota, illi hemm żewġ aspetti ta’ kull opra tajba li nagħmlu:
(i) is-sodisfazzjon u
(ii) il-mertu.
Fi kliem ieħor, il-valur li jissodisfa jew li qlajt bit-talba, u l-valur meritorju. Il-valur li jissodisfa jew impetratorju ta’ opra tajba, huwa għemil tajjeb meta tikkunsidrah mil-lat ta’ tpattija għall-piena taż-żmien tad-dnub, jew biex taqla’ xi grazzja. Il-valur meritorju, jew mertu ta’ xi opra tajba, hu dak li bih naqilgħu l-grazzja u l-glorja eterna. Issa f’din il-konsagrazzjoni tagħna nfusna lill-Verġni Mqaddsa, aħna nagħtuha l-valur kollu satisfatorju, impetratorju u meritorju. Dan hu fi kliem ieħor, is-sodisfazzjon u l-mertu tal-opri tajba kollha. Aħna nagħtu dan, mhux biex hi tagħtihom lill-oħrajn. (Ngħiduha kif inhi, il-merti, il-grazzji u l-virtujiet tagħna huma inaljenabbli, jiġifieri jiġu ma jistgħux jiġu mogħtija lill-oħrajn. Ġesu’ Kristu biss, billi ndaħal ta’ rahan għalina mal-Missier seta’ jagħtina l-merti tiegħu). Imma dan nagħmluh biex Hi tikkonservahom, tkabbarhom u ssebbaħhom kif naraw aktar ‘il quddiem. Nagħtuha s-sodisfazzjonijiet tagħna, biex Hi tgħaddihom lil min jidhrilha Hi, u għall-aktar glorja t’Alla.
123. Minn dak li ktibna s’issa naraw (1) illi b’din id-devozzjoni aħna nagħtu lil Ġesu’ Kristu, dak kollu li nistgħu nagħtuh u wisq iżjed minn devozzjonijiet oħra li bihom nagħtuh parti miż-żmien tagħna jew biċċa mill-għemejjel tajba tagħna jew biċċa mit-tpattija u l-mortifikazzjonijiet tagħna. U dak li hu iżjed ikunu nagħmlu dan b’mod l-aktar perfett, jiġifieri minn idejn Marija. Għaliex f’din id-devozzjoni kollox hu ddedikat u mogħti anke d-dritt li niddisponu mill-għemejjel interni tagħna u mit-tpattija li nakkwistaw ta’ kuljum bl-opri tajba tagħna. Din hi ħaġa li mhix magħmula, lanqas fl-Ordnijiet Reliġjużi. Fl-Ordnijiet Reliġjużi l-erwieħ dedikati jagħtu lil Alla l-ġid materjali tagħhom permezz tal-vot tal-faqar, joffru ġisimhom permezz tal-vot tal-kastita’ u r-rieda tagħhom permezz tal-vot tal-ubbidjenza u xi drabi l-liberta’ tal-moviment permezz tal-vot tal-klawsura. Imma huma ma jagħtux il-liberta’ u d-dritt li aħna lkoll għandna li niddisponu mill-valur tal-opri tajba tagħna u lanqas jiċħdu totalment kif jistgħu, dak li bħala Nsara jżommu bħala l-aktar prezzjuż u għażiż, jiġifieri l-merti u t-tpattija tagħhom.
124. (2) Iktar, jirriżulta wkoll li min ikun għamel din id-dedikazzjoni u sagrifiċċju lil Ġesu’ Kristu, permezz ta’ Marija ma jkunx aktar jista’ jiddisponi mill-valur tal-opri tajba tiegħu. Dak kollu li persuna bħal din iġġarrab, kull ħaġa tajba li taħseb, tgħid jew tagħmel tkun ta’ Marija, biex hi tkun tista’ tiddisponi minnu skont ir-rieda ta’ Binha, u għall-akbar glorja tiegħu. Jiftiehem ċar, mela li din id-dipendenza mhi ta’ ebda preġudizzju għall-obbligi tal-istat tal-persuna, la issa u lanqas għal li ġej. Per eżempju, għall-obbligi ta’ saċerdot, li bl-uffiċċju tiegħu jew mingħajru, irid japplika l-valur satisfatorju u impetratorju tal-Quddies għal ruħ partikulari. Dejjem għandna nifhmu li din l-offerta lil Ġesu’ permezz ta’ Marija hi magħmula skont l-ordni t’Alla u dmirijiet tal-istat tagħna.
125. (3) Fl-aħħar jiġi li aħna nikkonsagraw ruħna lil Madonna u ‘l Ġesu’ Kristu flimkien: lill-Verġni Mbierka, bħala mezz perfett li Ġesu’ Kristu għażel biex jingħaqad magħna u jgħaqqad lilna miegħu; u s-Sinjur Tagħna bħala Tmiem tagħna, li lilu nafu kull ma aħna, bħala s-Salvatur u Alla tagħna.
2. It-Tiġdid tal-Wegħdiet tal-Magħmudija
126. Jiena diġa’ għidt li din id-devozzjoni tista’ tissejjaħ, kif jixirqilha, tiġdid perfett tal-wegħdiet tal-Magħmudija Mqaddsa. Qabel tirċievi dan is-Sagrament, kull ruħ kienet ilsiera tad-demonju, għaliex kull ruħ kienet tax-xitan. Imma bil-Magħmudija tiegħu, kull Nisrani, minn jeddu jew permezz tal-parrinjiet, ċaħad solennament lix-xitan, bl-opri u l-pompi tiegħu kollha, hu ħa lil Ġesu’ Kristu bħala l-Imgħallem u l-Mulej Sovran tiegħu, biex jaqdih bħala lsir ta’ mħabba. Issa dan hu preċiżament li jiġri b’din id-devozzjoni; kif jidher ċar mill-formola tal-konsagrazzjoni: aħna niċħdu lix-xitan, lid-dinja, id-dnub, u lilna nfusna u nagħtu lilna nfusna, kollna kemm aħna, lil Ġesu’ Kristu permezz tal-idejn ta’ Marija. Aħna mmorru anke pass ‘il quddiem. Ordinarjament, fil-Magħmudija, aħna nagħtu lilna nfusna lil Ġesu’ Kristu biss bil-prokura, jiġifieri permezz tal-parrinijiet, li jitkellmu f’isimna. Imma f’din id-devozzjoni aħna nagħmlu hekk personalment, minn jeddna, u bl-għarfien sħiħ ta’ dak li qegħdin nagħmlu. Fil-Magħmudija aħna ma nagħtux lilna nfusna lil Ġesu’ Kristu permezz ta’ Marija - jew għallinqas ma nagħmlux hekk espliċitament - u ma nagħtux lil Ġesu’ Kristu l-valur tal-opri tajba tagħna, bir-riżultat li wara l-Magħmudija aħna nibqgħu għal kollox ħielsa li napplikaw dan il-valur lil min ikunu rridu jew inżommuh għalina stess; imma b’din id-devozzjoni aħna nagħtu lilna nfusna, espressament lil Ġesu’ Kristu permezz ta’ Marija u nikkonsagrawlu l-valur tal-opri tajba tagħna kollha.
127. Fil-Magħmudija, jgħid San Tumas, il-bnedmin jaħilfu li jiċħdu lix-xitan u l-pompi tiegħu kollha: In Baptismo novent homines abrenuntiare diabolo et pompis ejus. U din il-wegħda, jgħid Santu Wistin, hija l-ikbar u l-aktar meħtieġa: Votum maximum nostrum quo vovimus nos in Christo esse mansuros. Il-Kanonisti jgħidu l-istess: Il-Wegħda ewlenija hi dik li nagħmlu fil-Magħmudija. U b’dan kollu min hu dak li jwettaq perfettament din il-wegħda hekk importanti? Min hu dak li jkompli fedelment il-wegħdiet tal-Magħmudija? Mhux kważi kollha jitradixxu l-fedelta’ li wegħdu lil Ġesu’ Kristu fil-Magħmudija? Mnejn ġejja din id-diżordni jekk mhux milli kulħadd iwarrab dawn il-wegħdiet u bl-obbligi li ndħalna għalihom fil-Magħmudija; u mill-fatt li bilkemm wieħed iġedded b’mod personali l-kuntratt tal-għaqda li bil-prokura tal-parrinjiet għamel lil Alla.
128. Dan tant hu veru, li l-Konċilju ta’ Sens, imsejjaħ mir-Re Lwiġi le Debonnaire, biex jirranġa d-diżordni kbira li kien hemm fost l-insara, stqarr illi l-kawża prinċipali ta’ dak it-taħsir fil-kostumi, kien ġej mill-injoranza tal-obbligi tal-Wegħdiet tal-Magħmudija; u li ma setax isib rimedju aħjar biex jirranġa din il-ħsara kbira, milli jħeġġeġ lill-Insara kollha jġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija tagħhom.
129. Il-Katekiżmu tal-Konċilju ta’ Trentu - l-interpretu fidil ta’ dan il-Konċilju Mqaddes - jeżorta l-kappillani biex jużaw dan l-istess metodu, u li jfakkru ta’ spiss lill-fidili li huma marbutin u kkonsagrati lis-Sinjur Tgaħna Ġesu’ Kristu, bħala ilsiera mar-Redentur u l-Mulej tagħhom. Hawn hu l-kliem tal-katekiżmu: Il-Kappillan għandu jeżorta lill-fidili biex ikunu jafu li hija ħaġa sewwa... illi għandna nagħtu lilna nfusna u nikkonsagraw ruħna bħala ilsiera lil Mulej u Feddej tagħna. (Cath. Conc. Trent. 2,19)
130. Issa, ladarba l-Konċilju, is-Santi Padri u l-istess esperjenza kollha juru li l-aħjar mezz li tirripara l-infedelta’ tal-insara, hu li tfakkarhom fl-obbligi tal-Magħmudija tagħhom li tmexxihom biex iġeddu l-wegħdiet li għamlu fil-Magħmudija, mhux raġjonevoli li nagħmlu dan issa b’mod perfett, billi nikkonsagraw lilna nfusna kollha kemm aħna lis-Sinjur tagħna permezz t’Ommu l-Imbierka? Jien ngħid b’mod l-iktar perfett għaliex biex nikkonsagraw lilna nfusna lil Ġesu’ Kristu, nużaw il-mezz l-aktar perfett, li bih nistgħu nagħmlu dan - il-Verġni l-aktar Imbierka.
3. Tweġib għal xi oġġezzjonijiet
131. Ma tistax tiġi oġġezzjonata li din id-devozzjoni, hi jew ġdida jew tista’ ma tagħżilhiex. Mhix xi ħaġa ġdida ladarba l-Konċilji, is-Santi Padri u bosta awturi sew antiki kemm moderni jitkellmu minn din il-konsagrazzjoni lis-Sinjur Tagħna fit-tiġdid tal-Wegħdiet tal-Magħmudija, bħala ħaġa li kienet ipprattikata mill-Insara sa mill-ewwel żminijiet u li kienet imħeġġa fuq l-Insara kollha; mhix xi ħaġa li tista’ tagħżilha jew le, ladarba l-bidu ta’ kull diżordni li hemm fis-soċjeta’, u konsegwentement tad-dannazzjoni tal-Insara, tista’ ssibu fil-fatt li din il-prattika tiġi mwarrba u għall-attitudni ta’ indifferenza li għandhom lejha.
132. Xi ħadd jista’ joġġezzjona li din id-devozzjoni - li biha aħna nagħtu l-valur ta’ opri tajba kollha tagħna, it-talb, it-tgħakkis, il-karita’, lis-Sinjur Tagħna, mill-idejn tal-Verġni l-aktar Imbierka - tħallina bla saħħa, għall-aħħar, biex ngħinu l-erwieħ ta’ niesna, ta’ ħbiebna u tal-benefatturi tagħna. Jiena nwieġeb l-ewwel li ħadd ma jista’ jissopponi għal mument wieħed li niesna, ħbiebna u l-benefatturi tagħna se jsofru xi telf, bħala riżultat tad-devozzjoni u konsagrazzjoni tagħna nfusna mingħajr riserva, għas-servizz tas-Sinjur Tagħna u tal-Imqaddsa Ommu. Li tissopponi dan tkun qed tagħmel inġustizzja lit-tjubija u s-setgħa ta’ Ġesu’ u ta’ Marija li jafu tajjeb kif jgħinu lil qrabatna, ħbiebna u benefatturi tagħna, mill-ġid fqir spiritwali tagħna jew minn imkejjen oħra.
It-tieni, din id-devozzjoni ma ċċaħħadniex li nitolbu għall-oħrajn, sew ħajjin kif ukoll mejtin, basta l-applikazzjoni tal-opri tajba tagħna jkunu kollha mħollija dipendenti mir-rieda tal-Imqaddsa Verġni. Fil-verita’ jiġri l-kuntrarju: din id-devozzjoni iġġegħelna nitolbu b’fiduċja akbar għall-oħrajn. Immaġina l-każ ta’ wieħed sinjur li biex jonora l-prinċep kbir, jagħtih dak kollu li għandu. Wieħed bħal dan ma jfittixx b’fiduċja akbar, mingħand dan il-prinċep, xi karita’ għal xi ħabib tiegħu li ġie jitolbu xi ħaġa? Ikun ukoll ta’ pjaċir għall-prinċep li jkollu okkażżjoni juri l-gratitudni tiegħu lejn xi ħadd li neża’ kollox, biex ilibbes lilu, li sar tallab biex jonorah. L-istess għandna ngħidu mis-Sinjur Tagħna u mill-Verġni Mqaddsa; huma qatt ma jħallu min jgħaddihom fil-gratitudni.
133. Oġġezzjoni oħra possibli hi: jekk jien nagħti l-valur tal-opri tiegħi kollha lill-Verġni Mqaddsa biex hi tapplikhom lil min jidhrilha, forsi jiena jkolli nsofri għal żmien twil fil-purgatorju. Din l-oġġezzjoni li ġejja mill-imħabba tagħna nfusna u mill-injoranza fuq il-ġenerożita’ t’Alla, tal-Omm Imbierka, tinħall waħidha. Ikkunsidraw dil-kwalita’ ta’ ruħ li għandna f’moħħna kollha fervur u ġenerożita’ dejjem tqiegħed l-interessi t’Alla qabel tagħha; tagħti ‘l Alla dak kollu li għandha, mingħajr riservi, tant li ma baqgħalniex x’tagħti; tixxennaq biss għas-Saltna Ġesu’ Kristu permezz ta’ Ommu l-Imqaddsa, u tissagrifika ruħha kollha kemm hi biex iġġib ‘il quddiem din is-Saltna. Issa, għiduli - din ir-ruħ tkun ikkastigata fid-dinja l-oħra, sempliċiment għaliex kienet aktar ġeneruża u iktar ma tħobbx lilha nfisha mill-oħrajn? Veru, bil-maqlub! Għaliex kif se naraw aktar ‘il quddiem f’dan il-ktieb, hu sewwasew lejn din ir-ruħ li jkunu l-iktar ġenerużi s-Sinjur Tagħna Ġesu’ Kristu u Ommu l-Imqaddsa. U dan sew f’dil-ħajja, u sew fl-oħra fl-ordni tan-natura tal-grazzja u tal-glorja.
134. Issa se naraw, fil-qosor kemm jista’ jkun il-motivi li jirrikmandawlna din id-devozzjoni; l-effetti tal-għaġeb li ġġib fir-ruħ tal-fidili, u l-prattiki ewlenin tagħha.