TALB, KURUNELLI U INNIJIET LILL-MADONNA TAĦT TITLI DIFFERENTI
47. Talba lill-Madonna tal-Mirakli
O Verġni glorjuża Omm Ħanina tagħna, verament li inti l-Madonna tal-Mirakli għall-grazzji kbar li xerridt u għadek ixxerred fuq dawk li fin-niket tagħhom lejk jirrikorru. Jien mill-fond ta' qalbi u bid-dmugħ f'għajnejja nitolbok, o Omm ħanina, ikollok ħniena minni, titlob lill-Iben Maħbub tiegħek li jagħtini l-grazzja li tant nixtieq (issemmi l-grazzja) u jiena nwiegħdek li nfittex inkabbar id-devozzjoni lejk u l-imħabba lejn Ġesu' Salvatur tagħna.
48. Talba lill-Madonna Ta’ Pinu
O Verġni Mqaddsa Omm Alla Marija, mgħollija s-Sema bir-ruħ u l-ġisem, li permezz ta’ Karmni Grima għazilt dan il-post biex minnu xxerred xita ta’ grazzji fuq min jitlob l-għajnuna tiegħek, ixħet, nitolbok, ħarsa ta’ ħniena fuq id-dinja mqallba u mbeżża', biex kif int ħlist mill-hemm lill-għarajjes ta’ Kana, hekk ukoll teħles lill-umanita' minn kull periklu tar-ruħ u tal-ġisem.
Agħmel li l-bnedmin kollha jħobbu lil xulxn bi mħabba ta’ aħwa. Ħares ukoll, Omm l-aktar ħanina, il-familji tagħna, li minnhom tissawwar is-soċjetá umana, biex jgħixu ħajja onesta, hienja u qaddisa fl-għaqda dejjiema taż-Żwieġ.
Imma fuq kollox, nitolbok, ħenn għalija li qed inbati taħt it-toqol tas-salib. Jekk mhux ta’ deni għal ruħi, agħmel li (semmi l-grazzja li tixtieq taqla’)... Iżda, jekk hija r-rieda tal-Mulej li jiena ma naqlax il-grazzja li qed nitolbok, agħtini l-qawwa li nerfa’ din it-tbatija u ngħaqqadha mas-Salib ta’ Ibnek Ġesù. Omm tiegħi Marija, għinni biex bħalek, b’ħarsti kollha lejn Alla, naċċetta bil-qalb ir-rieda tiegħu, u miegħek nistqarr: “Ħa jsir minni skond kelmtek”.
O Madonna Ta’ Pinu, żommni taħt il-ħarsa tiegħek biex niżgura ruħi li s-sabar ta’ din il-ħajja jwassalni għall-hena tal-ħajja ta’ dejjem, fis-Sema pajjizna.
(Għid tliet Ave Marijiet f’ġieħ it-tlett ijiem li l-ġisem ta’ Marija dam fil-qabar)
Madonna Ta’ Pinu, Sultana tal-familja: itlob għalina u ħarstek fuqna dejjem żomm.
49. Talba lill-Madonna tas-Saħħa Omm Qaddisa tal-Kbir Alla, taħt il-mant tiegħek ilqagħna! La tirruftax it-talb minn tagħna fil-ħtiġijiet kollha tagħna! Dana lilek aħna ngħidu: O Marija, kun dejjem magħna! Mill-perikli inti ħarisna, bit-talb tiegħek int qaddisna. Kun magħna dejjem pjetuża, o Verġni mbierka u glorjuża!
(Itlob il-grazzja li tixtieq taqla') Jingħadu 3 Ave Marijiet u Salve Regina
Saħħa tal-Morda, itlob għalina.
50. Talba lill-Madonna li tħoll l-għoqiedi tal-ħajja
Verġni Marija, Omm tal-Imħabba, Omm li qatt ma nqast li tiġi qrib uliedek, l-aktar lejn dawk li huma mweġġgħa. Omm li jdejk qatt ma waqfu li jgħinu u jaqdu lill-għeżiez uliedek, għaliex inti kollok tjieba u ħniena; ħniena li ġejja minn qalbek u li tħares dejjem lejja f'dan il-wied tad-dmugħ. Nitolbok għalhekk biex tħoll l-għoqiedi ta' ħajti.
Inti taf sewwa kemm inħossni mifni fit-tbatijiet tiegħi, b'dawn l-għoqiedi li qed jorbtuni mad-dinja u mal-ħażen. Marija, inti li Alla għażlek biex tkun dik li tħoll l-għoqiedi ta' ħajjitna, ta' wliedna, nittama fik illum u npoġġi f'idejk il-ħajja tiegħi. Ħadd, lanqas ix-xitan, ma għandu qawwa akbar minnek. Lejk indur u nitniehed u nitlob il-kenn tiegħek. F'idejk hija ħajti, ma hemmx għoqda waħda li inti ma tistax tħollha.
Omm qawwija, bil-grazzja tiegħek u bl-interċessjoni tiegħek quddiem Ibnek Ġesu' il-Ħellies ta' kulħadd, inpoġġi quddiemek illum l-għoqdiet ta' ħajti. (Semmi l-grazzja li għandek bżonn). Nitolbok b'fidi, biex tħoll kull għoqda.
Ismagħni, mexxini, ħarisni, kenn tiegħi. Nixtieq nibqa' għomri kollu nfaħħrek għal tant imħabba li wrejt miegħi. Ammen.
51. Talba lil Marija għajnuna tal-Insara
O Marija għajnuna tal-insara, ħadd ma resaq lejk, talbek u inti ma smajtx it-talba tiegħu. Jiena serva umli tiegħek, mimlija fiduċja, lejk nirrikorri, f'riġlejk nintefa', fi ħdanek nintelaq, u b'qalb devota u niedma lilek nitlob. Omm ta' Ġesu' jiena żgura li meta jasal il-waqt tisma' talbi u tagħtini dak li qed nitolbok. F'ġieħ Kristu nnifsu. Ammen.
52. Talba lill-Madonna tal-ward
O Omm tagħna, aħna rridu nfaħħruk u nqimuk taħt dan it-titlu tal-Madonna tal-Ward. Aħna rridu nagħtu ruħna kollna lilek u b’xhieda tad-devozzjoni tagħna lejk nikkonsagrawlek kollna kemm aħna lilek. U għaliex aħna kollna tiegħek, o twajba Omm, żommna u ħarisna bħala ħaġa tiegħek u li qiegħda f’idejk. Xerred fuqna l-grazzja tiegħek u berikna. (Sliema għalik Marija…)
53. Talba lill-Madonna tas-sokkors perpetwu
Omm ħanina tas-Sokkors Perpetwu, minn idejk jgħaddu l-grazzji kollha li Alla jagħtina. Għalhekk Hu għamlek tant setgħana u għanja biex tkun tista’ tgħinna fi ħtiġijietna. Int l-avukata ta’ kull min jersaq lejk; il-faraġ ta’ min ifittex il-protezzjoni tiegħek.
Għinni Madonna! F’idejk nerħi ruħi. F’idejk inqiegħed is-salvazzjoni tiegħi. Għoddni bħala persuna l-aktar miġbuda lek. Żommni taħt il-ħarsien tiegħek, u dan hu biżżejjed għalija. Jekk int, ja Marija, tħarisni u tidħol għalija, minn xejn ma nibża’ għax naf li int tagħmel dan quddiem Ibnek Ġesu’.
Sbejħa Madonna, għinni nimtela bl-imħabba lejn Ibnek, żomm idejk fuqi, fuq il-familja tiegħi u fuq pajjiżi, bierek il-ħidma ta’ dawk kollha li qed jagħmlu t-tajjeb u lili agħtini l-grazzja li fil-mumenti iebsa u f’kull tfixkil, nirrikorri lejk u ngħidlek: Omm tas-Sokkors għinni int; la tħallinix nitbiegħed minn Alla tiegħi.
(jingħadu 3 Ave Marijiet)
54. Talba lill-Madonna ta’ Fatima
O Marija, Omm ħanina tal-bnedmin, ħallina nersqu lejk bħala wliedek, u miegħek u bit-talba tiegħek tar-Rużarju, ngħollu leħinna biex infaħħru ‘l Alla l-Missier li ħatrek bħala bintu, ‘l Alla Ibnek li għamlek Ommu, ‘l Alla l-Spirtu Santu li ħabbek b’għarustu. Bid-dehriet u l-għeġubijiet ta’ Fatima inti twettaq dak li int għedtilna kemm-il darba fuq ir-Rużarju f’dehriet oħra ta’ qabel. Kompli issa l-wegħdiet tiegħek, u aqlagħlna l-grazzja li qed nitolbok... Qed nitolbok din il-grazzja f’ġieħ il-misteri tal-ħajja, tbatija, mewt u qawmien ta’ Ibnek Kristu Sidna. Ammen.
55. Talba lil Sidtna Marija tar-Rużarju ta’ Fatima
Omm il-bnedmin kollha nixtieq li nressaq quddiem il-Qalb tiegħek bla tebgħa, il-ferħ u t-tamiet tiegħi flimkien mal-problemi u l-weġgħat tiegħi u ta’ dawk kollha li jirrikorru lejk fil-bżonnijiet kollha tagħhom. Ja Omm l-aktar ġentili u ħanina, inti taf lil kull waħda minna b’isimha u żgur li tagħrafna mill-fattizzi tagħna u mill-istorja personali tagħna. Iżda full kollox, inti tħobbna b’imħabba ta’ Omm li taf il-bidu tagħha fil-Qalb tal-Ħniena Divina. Għalhekk nagħmel kuraġġ, u lejk nersaq, f’idejk nintelaq, lilek nafda, waqt li nikkonsagralek dak kollu li jien u li għandi, ja Omm Qaddisa u ħanina tiegħi. Ammen.
(Din hija t-talba li għamel il-Papa Benedittu XVI quddiem il-Madonna ta’ Fatima f’Mejju 2010)
56. Kurunella tal-Madonna ta’ Fatima
Ħdejn Fatima dehret l-Omm tagħna Marija,
liċ-ċkejkna tliet rgħajja, tfal safja u għaqlija. Ave, Ave, Ave Marija (x2)
“Sinjura Żagħżugħa” imdawra bid-dija,
bil-ġmiel u bil-ħlewwa tas-sema mogħnija. Ave, Ave, Ave Marija (x2)
Ilbiesha bajdani, jgħattilha riġlejha,
kuruna sabiħa, imdendla f’idejha. Ave, Ave, Ave Marija (x2)
“Min fejn inti ġejja?”, staqsietek Luċija:
“Is-Sema pajjiżi”, weġibt, o Marija. Ave, Ave, Ave Marija (x2)
Għidtilhom jitolbu għall-midneb, għall-ħati,
biex jibdel fis ħajtu, u le jmur ibati. Ave, Ave, Ave Marija (x2)
Dik qalbek urejthom bil-grazzja mimlija,
bl-imrar u bin-niket, tal-ħżiena mifnija. Ave, Ave, Ave Marija (x2)
Int ridthom, ibatu, sabiex ipattulek,
għal dik il-moħqrija li l-kiefra jagħmlulek. Ave, Ave, Ave Marija (x2)
Kastigi tal-biża’, dhert int biex tħabbrilna,
li mħabba ħtijietna, ilkoll jistħoqqilna. Ave, Ave, Ave Marija (x2)
B’dan ridt fina tqanqal mibgħeda għall-ħtija,
li magħha ġġib fuqna hemm, biki w tbatija. Ave, Ave, Ave Marija (x2)
Imbierek Missierna li tam’oħra tana,
f’dik qalbek bla tebgħa, wisq ħelwa u setgħana. Ave, Ave, Ave Marija (x2)
Għemil ta’ tpattija, int tlabtna nagħmlulek,
biex qalbek imnikkta, bl-imħabba nfarrġulek. Ave, Ave, Ave Marija (x2)
Biex lilek ġieħ nagħtu O xebba, Omm, Sidtna,
li ngħidu r-Rużarju kuljum inti ridtna. Ave, Ave, Ave Marija (x2)
“Teħtieġ penitenza” int fl-aħħar wissejtna,
Hekk biss jistħoqqilna il-ħniena li wrejtna. Rit:
O Sidt tar-Rużarju, O ħelwa, O pija,
għas-Sema mexxina, Omm tagħna Marija. Ave, Ave, Ave Marija (x2)
57. Kurunella tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Lourdes
Jiem tad-Dehriet: Frar: 11, 14, 18, 19, 20, 21, 23, 25, 26, 27, 28. Marzu: 1, 2, 4, 25. April: 7. Lulju: 16.
Sliem għalik, o Vergni Mqaddsa, l’Inti dehert lil Bernardina ġewwa l-grotta minn ta’ Lourdes, biex imħabbtek int turina. Sliema.
Lilha dehert tmintax-il darba bħala xemx tiddi bid-dija, b’libsa bajda u faxxa kaħla kollok ħlewwa u sbuħija. Sliema.
Fuq ix-xitla minn tal-ward, int serraħt riġlejk ħafjin u f’kull riġel kellek warda minn ta’ deheb l-iżjed fin. Sliema.
U f’idejk kellek kuruna b’żibeg abjad bħall-ħalib biex turina l’inti dejjem fir-Rużarju l-għaxqa ssib. Sliema.
Inti tlabt lil Bernardina bi kliem ħelu kollu ħrara sabiex tiġi f’dik il-grotta lilek trodd ħmistax-il żjara. Sliema.
Lilha għedt għal daż-żjarat minni l-ħlas għandek tistenna mhux il-ġid ta’ dina l-art iżda l-glorja minn tal-ġenna. Sliema.
Bid-dmugħ nieżel minn għajnejk għall-ħtijiet minn tal-bnedmin int tennejt lil Bernardina titlob wisq għall-midinbin. Sliema.
Penitenza, Penitenza, penitenza tliet darbiet erġajt għedt, sabiex il-maħfra aħna jkollna mis-smewwiet. Sliema.
Bgħattha tgħid lill-qassisin jibnu Knisja f’dak l-irdum, fejn il-qima tal-Insara jista’ jkollok hemm kuljum. Sliema.
Ridt ukoll barra mill-Knisja illi ssirlek purċissjoni għal ġol-grotta li qaddist, b’din il-kbira apparizzjoni. Sliema.
Biex biċ-ċar l-għamara tiegħek hemm turina l’inti htart għajn tal-ilma l-iżjed safi nissilt b’għaġeb minn ġo l-art. Sliema.
Inti għedt lil Bernardina li tinħasel f’dik il-għajn, tixrob minnha, l-ħaxix tiekol li kien trabba qalb it-tajn. Sliema.
U b’dak l-ilma minn tas-saħħa l-eħżen nies saru tajbin, qalgħu l-qawwa l-morda kollha, sabu l-faraġ l-imnikktin. Sliema.
Meta b’dawn il-grazzji kollha rajt id-dinja ikkonsolata, Jiena jien il-Kunċizzjoni mort għedtilha, Immakulata. Sliema.
Tkun imbierka mela dejjem, o Konċetta mingħajr ħtija, taħt t-titlu minn ta’ Lourdes lilek nagħtu kull foħrija. Sliema.
Nitolbu
O Verġni Immakulata, Omm tal-ħniena, saħħa tal-morda, refuġju tal-midinbin, konsolatriċi tal-imnikktin, int tagħraf l-bżonnijiet tiegħi, it-tbatijiet tiegħi, ixħet fuqi l-ħarsa ħanina tiegħek. Bid-dehra tiegħek, fil-Grotta ta’ Lourdes, Inti ridt li ssir lok magħżul mnejn ixxerred il-grazzji tiegħek, u diġa’ bosta msejknin sabu r-rimedju tal-mard tagħhom fr-ruħ u l-ġisem.
Niġi jiena wkoll mimli tama sabiex nitolbok il-grazzji ta’ Omm: isma’ Omm ħanina, it-talb umli tiegħi, sabiex mimli bil-benefiċċji tiegħek, nagħmel kemm nista’ biex nimita’ l-virtu’ tiegħek, biex ġurnata jkolli sehem fil-glorja tiegħek tas-sema. Hekk ikun.
Omm tagħna tal-Lourdes, itlob għalina. Santa Bernardina, itlob għalina.
58. Fjur tal-Karmelu (Flos Carmeli)
Fjur tal-Karmelu,
dielja bil-frott mgħobbija,
dija tas-sema,
xebba li waħdanija,
B'ġieħ t'omm tiftaħar.
Omm l-aktar ħelwa,
li ġmielek qatt ma ttabba',
lill-Karmelitani
ħniena uri u mħabba,
kewkba tal-baħar.
59. Fjur tal-Karmnu gran Reġina
Fjur tal-Karmu gran Reġina
Omm ta’ Kristu wisq ħanin,
itlob dejjem int għalina,
li ninsabu midinbin. Ave, Ave, Ave Marija (x2)
O Sinjura, ifraħ magħna,
b’Ġesu’ Ibnek irxuxtat,
lilna għinna sa ma naslu,
fl-istess sebħ li ma jgħib qatt. Ave, Ave, Ave Marija (x2)
B’Omm il-Knisja ġejt magħżula,
magħna xxandar din l-aħbar,
wara l-mewt, salib u difna,
Kristu llum gglorifikat. Ave, Ave, Ave Marija (x2)
Int l-Għarusa tal-Ispirtu,
itlob magħna f’dan iż-żmien,
sa ma qalbek tkun tirrenja,
w fik kulħadd isib l-għejxien. Ave, Ave, Ave Marija (x2)
It-tlugħ tiegħek lejn is-Sema,
ifakkarna f’dak iż-żmien,
fejn għad naslu nfaħħru ‘l Alla,
flimkien f’ħajja ta’ bla tmiem. Ave, Ave, Ave Marija (x2)
Aħna lkoll flimkien mal-anġli,
ntennu l-innu ta’ tifħir,
magħhom bl-Ave inselmulek,
O Sultana b’għaġeb kbir. Ave, Ave, Ave Marija (x2)
60. Innu Popolari lil Marija Assunta
Int kont dejjem fil-ħsieb tal-kbir Alla;
lilek ħabbar ġewwa l-ġenna tal-art,
fl-isbaħ ġnien sar il-bniedem jaf b'ismek,
fost il-għaxqa u l-fwieħa tal-ward.
Int ridt o Marija li ħajtek tkun tixbaħ,
lil warda fi-ġonna fid-dawl taż-żerniq,
biex tfisser is-safa' l-imħabba li tgħaqqad
il-bniedem ma' Alla li hu l-Ħallieq.
U bla tebgħa Marija ġejt fostna,
kewkba mdawvvla fl-aqwa dalma tal-lejl,
meta int bl-iva li għedt lill-anġlu,
tajtna 'l Ibnek li huwa l-Feddej.
Int tlajt o Marija, fejn Ibnek fis-sema,
sabiħa, glorjuża bil-ġisem u r-ruħ,
fost ferħ u kant ħelu tal-anġli,
hekk safa kif tħabbar il-ħażen mirbuħ.
61. Innu antik miktub l-Imqabba lil Marija Assunta (Carmelo M. Camilleri)
Sliem għalik o Verġni safja,
li minn Alla ġejt maħtura,
sabiex tkun Omm l-Iben tiegħu,
u għarusa l-aktar pura.
Iv' għarusa l-aktar pur,
tal-Ispirtu qaddis tiegħu,
għaliex lilek ried Reġina,
fil-kbir renju tgħammar miegħu .
Qalb il-kotra minn tal-anġli,
fuq kemm huma l-qaddisin;
lilek ried bħal avukata
tal-imsejkna midinbin.
Lilek għażel bħala Torri
o kbira Verġni Marija!
Sabiex tirbaħ lill-għedewwa,
minn tal-Fidi nisranija.
Lilek ħatar fost tant ħlejjaq,
sabiex taqsam id-duluri,
ma' Ġesu fuq il-Kalvarju,
sabiex kobor Alla turi.
Ried biss bik jagħti eżempju,
f'din id-dinja lill-bnedmin,
kif għandhom isofru d-dwejjaq,
biex isiru qaddisin.
Mel'o Kbira Protettriċi,
tal-Imqabba, art qaddisa,
li għażiltha sa minn dejjem,
bħala bintek il-għażiża.
Sabiex tgħożżok ġewwa darha,
bħala bint maħbuba tiegħek.
Biex tħarisha mid-disgrazzji,
u tħaddanha dejjiem miegħek.
Mel'o Kbira Verġni Mqaddsa,
fuqha xerred id-dawl tiegħek
biex ma' wliedha żgur tkun lesta,
li l-kbir Alla tfaħħar miegħek.
Ta' dat-talb fis agħti widen,
tħalliniex hekk imbikkijja,
ħarsa ħelwa dawwar fuqna,
sabiex ruħna tkun mhennijja.
Ftakar biss li tama kbira,
għandna fik, Verġni Marija,
li bit-talb imqaddes tiegħek
niġu mnaddfa minn kull ħtija.
U bla biża' nikkumbattu,
kontra l-għadu tar-ruħ tagħna,
u noħorġu żgur rebbieħa,
għaliex int tkun qiegħda magħna.
Mela fis o Verġni Mqaddsa,
lilna għatti bil-mant tiegħek,
sabiex wara din l-ħajja,
ilkoll niġu ngawdu miegħek.
Dak il-premju inwiegħed mn'Alla,
Lill-bnedmin ta' qalb ħanina,
li teħlishom il-qalb tiegħek,
b'dik imħabbtek, o Reġina.
62. Kanzunetta lill-Madonna (Charlon Grima)
Ġejt quddiemek biex nitgħaxxaq u ngawdik,
ninxteħet hawn f’riġlejk b’imħabba qawwija.
Int Reġina fewwaħt id-dinja b’dak il-ġmiel,
għax jistħoqqlok kull foħrija u l-għola ġieħ.
Imbagħad ġew l-anġli jżejnuk biex fil-ġenna aħna nqimuk,
titfa’ ħarstek fuqna lkoll u lkoll aħna nfaħħruk.
Nitolbuk o Marija biex tgħaqqadna f’armonija,
int imżejna b’kull virtu’ biex tgħaqqadna ma’ Ġesu’.
Ħarsu lejha lejn l-isbaħ kewkba tas-smewwiet,
tixħet fuqna raġġ ta’ dawl u verita’.
Int Padruna, tajtna r-rużarju b’kuruna,
inkurunata mit-Trinita’ għall-eternita’.
Għalkemm imnissla bla ebda tebgħa,
rajt lil Ibnek iġorr salib.
Għalhekk is-sejf mifdi f’qalbek,
kisiblek is-sliem bla tmiem.
63. Talba antika lill-Madonna ta’ Pinu għall-Vokazzjonijiet
O Sultana tas-sema, meqjuma taħt it-titlu “Ta’ Pinu”, nitolbuk, f’ġieħ it-tlitt ijiem li ġismek dam magħluq fil-qabar, li tieqaf magħna u mal-familji tagħna u tiddefendina mill-għedewwa ta’ ruħna u ġisimna.
Fuq kollox, nissel fostna, o Marija, għadd kbir ta’ sejħat għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża sabiex, imsawra taħt il-ħarsien tiegħek, jitqaddsu huma u jqaddsu wkoll lil sħabhom u hemm imxerrda lkoll mad-dinja, jagħtu lill-ġnus kollha lil Ibnek Ġesu’ Ostja. Ammen. .
64. Innu lill-Madonna tal-Karmnu (1)
Madonna tal-Karmnu,
li tant inħobbuk,
arana madwarek,
‘il qlubna nagħtuk
Fil-Labtu li tajtna,
insibu l-mistrieħ
tal-qalb li bla heda,
tissaħħar għalih.
Int, Ommna Marija,
int ġmiel tas-Smewwiet,
ilqagħhom bil-ferħa
ta’ qlubna, l-għanjiet.
Hu ħeles lil Xmuni,
mill-biki w l-imrar
u refa’ lill-Ordni,
kif lemħu fix-xfar.
Hu lilna jeħlisna,
mill-hemm li f’kull ħin,
inġarrbu f’ħajjitna,
imsejkna bnedmin.
Għalhekk fuq sidirna,
ma’qalbna nrossuh,
u bl-akbar imħabba,
ilkoll li ngħożżuh.
Fis-siegħa ta’ mewtna,
nagħfsuh iżjed magħna,
ħdejn Alla hu lilna,
għad jieħu ferħana.
Madonna tal-Karmnu,
kun int l-hena tagħna,
fid-dar ta’ kull malti,
kun ‘l Omm u s-Sultana.
65. Innu lill-Madonna tal-Karmnu (2)
Warda safja tal-Karmelu,
kollok safja, kollok fwieħa,
isma’ l-ilħna, l-qlub ferrieħa,
tagħna wliedek li nħobbuk.
O Magħżula, Verġni Mbierka,
bl-ebda ħtija qatt imtebbgħa,
oh, li konna fl-oħla mħabba,
kif jixraqlek inqimuk!
66. Innu Popolari lill-Madonna tal-Karmnu
Fjur tal-Karmelu tfewwaħ,
bi qlubna inħobbuk.
Omm il-Feddej w Omm tagħna,
b’fomm wieħed infaħħruk.
Aħna l-Karmelitani,
bik aħna tant kburin,
għax int tagħtina l-qawwa,
biex nibqgħu fil-qalb safjin.
Min jixħet ħarstu fuqek,
u jħares f’għajnejk ħelwin,
jimxi fi triq li twassal,
għal dar Ibnek mal-Qaddisin.
Int tajtna Labtu mqaddes,
li tul iż-żminijiet,
fost il-ġemgħa ta’ wliedek,
wettaq l-għeġubijiet.
Bil-labtu fuq sidirna,
ma naqtgħu qalbna qatt,
ngħaddu mill-mewġ tal-ħajja,
u żgur ma jintilfu qatt.
Int wegħdtna li min jilbsu,
dal-labtu jżommu sħiħ,
fl-aħħar ta’ ħajtu jsibek,
f’bieb il-ġenna qed tistennih.
Fjur tal-Karmelu ħares,
fuq il-gżejjer Maltin,
żomm idejk fuq dal-poplu,
li ħabbek tul is-snin.
Sultana tal-qalb tagħna,
Omm Alla u l-bnedmin,
żomm sħiħa f’Malta tagħna,
l-imħabba lejn Ibnek Divin.
Aħna l-Karmelitani,
din l-għanja ngħannu flimkien,
biex tibqa’ sħiħa l-għaqda,
u tissaħħaħ tul iż-żmien.
67. Talba lill-Madonna ta’ Pinu għall-Vokazzjonijiet
O Madonna ta’ Pinu, int li kellek kuraġġ tħaddan fik il-ħolma ta’ Alla, billi qiegħedt iż-żgħożija u l-ħeġġa tiegħek f’idejh; ispira u ħeġġeġ lil dawk li l-Missier isejjaħ għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża biex fuq l-eżempju tiegħek illissnu b’ħeffa l-“Hawn jien” għall-ġid tagħhom, ta’ qrabathom u tad-dinja kollha.
Għin lil dawk li l-Missier u l-Knisja jagħżlu, biex jaqduk fis-Santwarju ta’ Pinu u jżommu ħajja s-sejħa tiegħek f’dan l-imkien qaddis, billi, jilqgħu b’imħabba lil dawk li inti ssejjaħ għal dan il-post, joffrulhom is-silenzju sagru biex jiskopru l-vuċi tiegħek, iwiżnuhom fl-irfieħ ta’ salibhom, u jispirawhom biex jifhmu li ta’ din id-dinja kollox jgħaddi, u li wara kollox Alla biss se jibqa’.
qalbna rridu lkoll nagħtuk.